Filmat: Il-Maltin joħorġu fil-gallariji jċapċpu

Għadd ta’ Maltin ħarġu fil-gallariji llejla biex iċapċpu lit-tobba, l-infermiera u lill-professjonisti kollha tas-saħħa li bħalissa qegħdin jaħdmu qatigħ sabiex jikkontrollaw u jikkuraw l-imxija tal-coronavirus.

Twaqqfet paġna fuq Facebook apposta għal din l-attività, sabiex tħeġġeġ lin-nies joħorġu fil-gallariji tagħhom madwar Malta u Għawdex fid-9pm biex juru r-rispett lejn “l-eroj tagħna. ”

L-organizzatur tal-paġna Ramon Balzan kiteb li l-ħsieb huwa li “nagħmlu standing ovation madwar Malta u Għawdex biex nirringrazzjaw lil dawn l-eroj li qed jaħdmu f’dawn iż-żminijiet diffiċli biex ninkuraġġuhom jibqgħu għaddejjin b’din il-ħidma tagħhom.”

Intant, sar appell fuq il-paġna Covid19 fuq Facebook, li twaqqfet mill-Gvern sabiex taġġorna lill-Maltin fuq il-coronavirus, għal filmati u messaġġi ta’ ringrazzjament mill-Maltin għall-professjonisti tas-saħħa u ħaddiema tal-Korp tal-Pulizija u tal-Forzi Armati, li xorta jridu jibqgħu jaħdmu f’dawn iż-żminijiet.

It-tabib Konrad Borg mill-Emerġenza f’Mater Dei llum għamel appell fuq Facebook biex in-nies ma joħorġux jekk jista’ jkun, ħalli t-tixrid tal-coronavirus ma jinfirixx daqshekk. Lil dawk li jridu joħorġu ta’ bilfors għax-xogħol jew għax-xiri fakkarhom biex ma jmissux wiċċhom u biex jaħslu jdejhom malli jirritornaw id-dar.

S’issa Malta għandha 38 każ tal-coronavirus, uħud minnhom trażmessi lokalment. Minn dawn kien hemm tnejn li fiequ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn