Filmat: Il-Maltin jeħilsuha mill-maltempata fuq Sydney

Il-Maltin li jgħixu f’Sydney fl-Awstralja ma rrappurtaw l-ebda inċident mill-maltempata stramba li sabu ma’ wiċċhom nhar il-Ġimgħa.
Il-Konslu Malti f’Sydney, Salvino Giusti qal ma’ Newsbook.com.mt li ma waslulu l-ebda rapporti ta’ Maltin li kellhom xi inċident jew ħsarat riżultat tal-maltempata.
Spjega li s-“sħab impressjonanti” dieħel fuq Bondi Beach li deher fil-filmat li dar id-dinja, ma kienx ħlief saffi ta’ ċpar oħxon tiegħla mill-ilma.
Giusti kompla li ma kien hemm l-ebda maltempati ta’ xi qawwa partikolari. Qal li maltempati b’xita qawwija u s-silġ, bħal ma jseħħu f’Malta f’dawn iż-żminijiet, huma komuni ħafna wkoll f’dik il-parti tal-Awstralja.
Ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-komunità Maltija hi mifruxa sew mat-territorju ta’ New South Wales, li fih daqs l-Ewropa tal-Punent.