Filmat: “Il-Maltin għandhom jimmiraw għall-aħjar xogħlijiet” – il-Ministru Scicluna

Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-enfażi tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-ewwel dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kienu l-familji Maltin. Fisser kif il-Prim Ministru jrid li l-familji Maltin jimmiraw għall-aħjar xogħlijiet li uliedhom jistħoqqilhom.

Huwa qal dan meta mistoqsi jirreaġixxi għall-kummenti ta’ Muscat tal-bieraħ li Delia sejjħilhom ħala kummenti għal soċjetà klassista.

Mistoqsi jgħid x’inhuma x-xogħlijiet low-end, il-Ministru Scicluna qal li uħud jaħsbu li dawn huma xogħlijiet fl-industrija tal-catering iżda semma l-eżempju tat-Taljani li jħossuhom kburin b’dan ix-xogħol. Huwa naqas milli jgħid x’tip ta’ xogħlijiet il-familji Maltin m’għandhomx jaspiraw li jaħdmu fihom.

Dwar il-kwistjoni ta’ klassiżmu fis-soċjetà Maltija, il-Ministru Scicluna spjega dak li l-emigranti Maltin għaddew minnu fil-Kanada fejn bdew b’xogħlijiet b’paga baxxa imbagħad telgħu l-iskaluni.

Temm jgħid li l-miljunarji Amerikani huma kburin ħafna jgħidu li l-ewwel xogħol tagħhom kien li jikinsu t-toroq iżda imbagħad gradwaw u spiċċaw negozjanti kbar.

Aktar kmieni, il-Prim Ministru Joseph Muscat waqqaf ħesrem konferenza tal-aħbarijiet wara li wieġeb mistoqsija dwar l-istess suġġett. Muscat ċaħad li l-kummenti tiegħu setgħu kienu klassifikati bħala klassisti.

AQRA: Il-Gvern ma jħallix ġurnalisti jistaqsu f’Kastilja