Filmat: Il-Maltin fost l-aktar fl-Ewropa li jingħataw antibijotiċi għalxejn

Minn riċerka Ewropea, il-Maltin huma fost l-aktar li jingħataw antibijotiċi meta fil-verità ma jkollhomx bżonnhom.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Konsulent tad-Dipartiment għall-Kontrol tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, Dr Michael Borg, qal li f’Malta hawn tendenza li għall-mard komuni bħall-irjiħat, uġigħ fil-griżmejn, influwenza u sogħla ħafifa, il-pazjent jingħata antibijotiċi meta dawn ma jistgħux jitfejqu bihom.
Spjega li jeżistu żewġ tipi ta’ mikrobi. L-antibijotiċi jaħdmu biss fuq l-infezzjonijiet li jiġi kkawżati minn bacteria filwaqt li ma jaħdmux fuq viruses, li huma l-kaġun ta’ ħafna mill-mard komuni.
Dr Borg qal li tant kemm ingħataw antibijotiċi għalxejn li l-ġisem beda jidrahom, bil-konsegwenza li ċertu bacteria rabbew reżistenza għall-antibijotiċi u llum sar aktar diffiċli li jitfejqu l-infezzjonijiet. Dawn it-tip ta’ bacteria jissejħu superbugs.
Żied jgħid li għaddejja ħidma biex titqajjem aktar kuxjenza biex l-antibijotiċi jingħataw biss bir-riċetta. Saħaq li  t-tobba għandhom ikunu aktar konxji dwar dan u ma jagħtux antibijotiċi meta ma jkunx hemm bżonn.
Fid-dawl tal-Ġurnata Ewropea għall-Kuxjenza dwar l-użu tal-Antibijotiċi, li tiġi ċċelebrata fit-18 ta’ Novembru, il-Konsulent saħaq li fl-aħħar għaxar snin f’Malta sar progress kbir.
Illum jgħoddu biss 1% dawk li jirnexxilhom iġibu antibijotiċi mingħajr preskrizzjoni. Sa għaxar snin ilu dan l-ammont kien joqrob il-15%.
Konsegwenza tas-superbugs, madwar l-Ewropa kull sena jitilfu ħajjithom madwar €25,000 persuna.
Dr Michael Borg qal li għalkemm diffiċli tgħid kemm imutu nies f’Malta minħabba superbugs, semma kif meta r-rata tal-infezzjonijiet tal-MRSA fid-demm kienet għolja, terz tal-pazjenti tilfu ħajjithom minħabba r-reżistenza tal-bacteria fuq l-antibijotiċi użati.
Filmat: Reel8 Productions