Filmat: ‘Il-mafkar ta’ Daphne juri x’jaħseb il-Gvern dwar il-libertà tal-espressjoni’

L-attivista ta’ Occupy Justice Alessandra Dee Crespo qalet li l-każ tal-Monument tal-Assedju l-Kbir li nħeba għar-restawr juri x’jaħseb il-Gvern dwar il-libertà tal-espressjoni. Hi rreferiet għat-tneħħija tax-xemgħat u l-messaġġi u l-attakki li seħħew fuq l-attivisti qrib il-monument li qed jintuża’ wkoll bħala mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Dan qalitu fid-diskors tagħha fil-vġili li saret illum biex jitfakkar l-14-il xahar minn meta nqatlet il-ġurnalista Maltija. Dee Crespo qalet li l-fjuri u x-xemgħat huma espressjoni tal-kundanna tal-qtil ta’ ġurnalista u l-attakk fuq l-istituzzjonijiet li suppost qed jissalvagwardjaw il-libertà tal-espressjoni. Żiedet tgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat kiser ir-rekord tal-President Russu Vladimir Putin talli neħħa l-mafkar ta’ Daphne aktar minn 192 darba. Dee Crespo qalet li nies li jappoġġjaw lill-Gvern Laburista jħossu li jistgħu jagħtu fastidju u jaggredixxu lil persuni li jpoġġu x-xemgħat u l-fjuri mal-monument.

Is-silenzju wassal għall-assassinju – student

L-istudent Mark Borg qal li qatt ma immaġina li kellu jkun qed jagħmel diskors biex jiddefendi dritt fundamentali daqstant bażiku – id-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Skont Borg, is-silenzju li żamm Muscat waqt li Daphne kienet qed tiġi mhedda wassal għas-sitwazzjoni fejn ġurnalistà tista’ tinqatel b’impunità assoluta. Qal li dan huwa kif jaħdmu l-Gvernijiet opressivi.

Caruana Galizia baqgħet issemmi leħinha – attivista

Rachel Williams minn Occupy Justice qalet li mara li xebgħet tiġi meqjusa bħala ċittadina tat-tieni klassi, bla moħħ u bi drittijiet inqas minn ħaddieħor, Rosa Parks, bdiet rivoluzzjoni fl-Istati Uniti għall-persuna b’ġilda skura. Williams żiedet tgħid li Daphne Caruana Galizia baqgħet issemmi leħinha anke meta kienet tiġi sfidata, irredikolata, imweġġa’, u mgħajjra.

Inqrat ukoll il-poeżija “L-għaqbuta tal-għasel” li kiteb Julian Delia dwar l-ispekulazzjoni, il-kera, u l-pagi f’Malta.

Filmat: Repubblika