Filmat: Il-Luqin imfakkra għall-qlubija u dak li batew fil-gwerra

Il-Luqin li tilfu ħajjithom fit-Tieni Gwerra Dinjija tfakkru f’ċerimonja kommemorattiva, u għalihom inkixef mafkar li se jibqa’ jmexxi isimhom għal dejjem.
Għaċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li qal bħalma dawn in-nies iddedikaw ħajjithom għall-komunità, wieħed illum irid japprezza l-kontribut li jagħtu dawn l-għaqdiet lejn raħalhom jew belthom.
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa, John Schembri, qal li l-Kunsill Lokali jħoss li kien fi dmiru li jfakkar minn xiex għaddew il-Luqin fil-gwerra u kif dan ir-raħal għadda minn żminijiet ta’ tbatija, tifrik u niket. 
Aktar tard Anthony Pace, is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu, kif ukoll il-Klabb tal-Futboll Luqa St. Andrews ingħataw Ġieħ Ħal Luqa b’ rikonoxximent għal-ħidma tagħhom b’risq il-komunita’ Luqija.
Il-mafkar xogħol Twanny Ellul, Luqi wkoll, u fih anġlu b’wiċċċu mbikki ’l isfel, u d-drapp tal-libsa tiegħu jindika li dan l-anġlu għadu kif niżel minn fuq u waqaf fejn ħorża tal-bir mkissra li minnha hemm ħiereġ il-parti ta’ wara ta’ bomba li daħlet ġo dan il-bir.
Din ix-xena tinstiga mill-ewwel f’moħħ Luqin it-traġedja tad-9 t’ April fejn bomba minn ajruplan Stuka waqgħet ġo bir li kien jinsab maġenb xelter fi Triq il-Papa Innoċenzju.
Ix-xelter intradam bin-nies fih, kif ukoll daħal l-ilma mill-bir u tilfu ħajjithom 23 ruħ fosthom tfal li intradmu b’ mod li ma setgħux jinqalgħu.
Ritratt u filmat: DOI – Pierre Sammut