Filmat: Il-lingwa Maltija fil-kanzunetti tal-Eurovision

Fi ftit ġranet oħra Eliana Gomez Blanco se tkun qed tirrappreżenta ‘l Malta fil-Junior Eurovision Song Contest li se jsir fil-Polonja.

Il-kantanta Maltija se tkun qed titlaq proprju għada t-Tnejn biex tibda l-provi li jwasslu sas-serata finali l-Ħadd 24 ta’ Novembru.

Il-kanzunetta tagħha We Are More tinkludi lirika bil-Malti.

Il-fattur tal-lingwa Maltija ilu snin jiġi diskuss jekk għandniex nikkompetu bil-lingwa tagħna f’dawn il-konkorsi imma jidher li l-aktar li għamilna ħoss huwa meta l-kanzunetta tkun b’żewġ lingwi. U dan joħodna lura għal bosta snin, mingħajr ma ninkludu l-kanzunetti Marija l-Maltija (1971) ta’ Joe Grech u L-Imħabba (1972) ta’ Joe Grech u Helen Micallef.

Ħarsa lura lejn is-snin insibu li fl-1999 Claudette Pace kellha kanzunetta li fiha ġie inkluż kliem bil-Malti.

Desire fil-fatt kienet il-kanzunetta li biha rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision li sar fid-Danimarka.

Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek,

Lilek, Ħabbejt

Fl-2005 Olivia Lewis daħlet għall-festival tal-Kanzunetta għall-Ewropa bil-kanzunetta Déjà vu. Ma rnexxilhiex tirbaħ il-festival b’din il-kanzunetta iżda l-lirika li kienet tinkludi bil-Malti diffiċli biex wieħed jinsiha.

Dejjem tiegħek kien tarah kullimkien
U mat-tul ta’ daż-żmien, verament miegħek kien

Fl-2006 il-grupp Trilogy kien daħal għall-festival Kanzunetta għall-Ewropa bil-kanzunetta This Heart of Mine ta’ Paul Abela u Joe Julian Farrugia. F’din il-kanzunetta kien hemm chorus sħiħ bil-Malti.

“Din qalbi n’tik għax sabet fik

Imħabba kif ma sibt imkien

Tal-qalb weġgħat illum passat

Nixtieqha tħabbat maġenb tiegħek għall-ġejjien”

Għaddew is-snin u dan is-suġġett baqa’ dibattibbli.

Fl-2010 Nicole Azzopardi ħadet sehem fil-Junior Eurovision bil-kanzunetta Knock Knock… Boom Boom, li kellha wkoll silta mil-lirika li kienet bil-Malti.

Boom … Boom … il-bieb
Onġi … Onġi … Onġella!
Boom … Boom … il-bieb
Onġi … Oh! Kavallier

Fil-festival tal-Malta Eurovision Song Contest 2017 Janice Mangion ħadet sehem bil-kanzunetta b’lirika kollha bil-Malti, Kewkba, li ntlaqgħet tajjeb, tant li kklassifikat fit-tieni post.

Int kewkba tħuf fis-skiet
Fost l-isbaħ mill-kewkbiet
Il-lejl timlieh bl-ilwien
Iddawwal kullimkien

Fl-istess sena, fil-Junior Eurovision waslet ukoll l-interpretazzjoni ta’ Gianluca Cilia bil-kanzunetta Dawra Tond.

Dawra tond induru flimkien

nallegraw niżfnu ma’ kullimkien!

Dawra durella qabża żigarella

ċoff tal-bellus, ċaqċaqilu lil għarus.

U issa għal din is-sena se jkollna lil Eliana hekk kif għal darb’oħra Joe Julian, din id-darba mat-tim li għandu se jkunu qed iwasslu We Are More.

Il-festival se jsir il-Ħadd 24 ta’ Novembru u dak inhar inkunu lkoll wara Eliana meta nisimgħuha tinterpreta l-kanzunetta tagħha li se tinkludi din il-lirika bil-Malti:

Dak li nemmnu ngħiduh

Kontra l-mewġ inwettquh

Jippruvaw isikktuna lejl u nhar

Dan l-ispirtu żagħżugħ

Jippruvaw joħonquh

Imm’ għalxejn, żerniq kontra ċ-ċpar…

Aħna qalbna ma naqtgħux

Lilna ma jiffastidjawx

Nagħmlu l-qalb, nagħmlu l-qalb

Mal-kurrent ma nintelqux

Pożittivi, ma nċedux