Filmat: “Il-Liġi tal-Ugwaljanza kif proposta tista’ ddaħħal l-abort” – MAM

Aġġornat 09:32 PM

Dr Martin Balzan, President tal-unjin tat-tobba MAM qal fuq 103 Malta’s Heart li jekk l-abbozz tal-Liġi tal-Ugwaljanza jibqa’ kif inhu allura jista’ jwitti t-triq għad-dħul tal-abort u l-ewtanasja. Huwa kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg.

Balzan qal li fl-abbozz kif inhu hemm klawsola li tgħid li din il-liġi tiġi fuq kull liġi oħra. Allura, kompla Balzan, jekk tabib jirrifjuta t-talba ta’ xi persuna li tkun trid tagħmel abort jew l-ewtanasja, jista’ jsib ruħu quddiem il-Qorti għax jista’ jkun akkużat li qed jagħmel diskriminazzjoni. It-tobba m’għandhomx jiġu esposti għal dan il-periklu, sostna Balzan.

Huwa qal li ma jaħsibx li l-Gvern irid li jiġri hekk u allura appella lill-Gvern biex ineħħi l-klawsola li tagħti lil-Liġi tal-Ugwaljanza superjorità fuq il-liġijiet l-oħra.

Balzan mhux l-uniku wieħed li wera tħassib dwar dan l-abbozz. Il-Prim Imħallef Emeritu u eks Imħallef tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qal li l-abbozz għandu jħasseb lil diversi persuni, inkluż lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom fi skejjel privati jew tal-Knisja.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex fi stqarrija qalu li huma favur l-ugwaljanza iżda wrew tħassib dwar ċerti klawsoli fl‑abbozzi li għandhom implikazzjonijiet serji għax se joħonqu l‑libertà tal‑bniedem.

Qalu li hemm periklu serju li dawn l‑abbozzi, jekk mhux emendati bil‑għaqal u b’mod trasparenti, jipperikolaw il‑libertajiet fundamentali li dejjem gawdejna. L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi appellaw biex jibqa’ jiġi mħares id‑dritt tal‑ġenituri li jagħżlu liema skola jixtiequ għal uliedhom.

“Il-paradoss tal-ugwaljanza u d-diskriminazzjoni”

Il-Liġi tal-Ugwaljanza għandha impatt fuq id-drittijiet tal-libertà tal-ħsieb u tal-kuxjenza, garantiti mill-Kostituzzjoni Maltija u rikonoxxuti miċ-Ċarter tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan qalitu l-Kamra Maltija tal-Ispiżjara fi stqarrija li ħarġet dalgħodu.

L-ispiżjara qalu li skont ma ħalfu meta saru spiżjara, ma jistgħux jiddiskriminaw meta jagħtu servizz farmaċewtiku, la legalment, la professjonalment u lanqas etikament. Huma għandhom il-libertà tal-ħsieb u tal-kuxjenza, iżda l-liġi kif inhi mħejjija fl-abbozz, tirrendi l-ġurament li ħadu huma null.

F’Settembru, il-Kamra tal-Ispiżjara għaddiet is-sottomissjonijiet u l-emendi tagħha lill-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet relevanti, inkluż lill-Parlament u lill-Kunsill tal-Ispiżjara.

Il-Kunsill tal-Ispiżjara jħeġġeġ lill-awtoritajiet iħassru Artiklu 32

Fi stqarrija separata, il-Kunsill tal-Ispiżjara qal li hu mħasseb ferm fuq il-Liġi tal-Ugwaljanza minħabba l-implikazzjonijiet li għandha fuq il-professjoni tal-ispiżjara. Il-Kunsill ħeġġeġ lill-awtoritajiet iħassru Artiklu 32 tal-liġi proposta.

Dan billi dan l-Artiklu, u anke Artiklu 3, jirrendu din il-liġi suprema fuq liġijiet oħra, inkluż il-ġurament li ħadu huma bħala spiżjara.

Skont il-Kunsill, din il-liġi kif inhi proposta qed tiddiskrimina kontra l-ispiżjara u professjonisti oħra tas-saħħa, qed timmina l-awtonomija professjonali u l-konvinzjonijiet u l-integrità morali, u ma tinkludix klawsola ta’ oġġezzjoni skont il-kuxjenza.

Il-Kunsill żied jgħid li Artikli 7 u 8 jikkontemplaw jekk ipoġġux lill-ispizjara f’kunflitt tal-kuxjenza b’rabta mal-obbligi legali tagħhom li jwasslu servizz professjonali li jmur kontra l-kuxjenza.