Filmat: “Il-LifeCycle Challenge kienet esperjenza iebsa imma li ma ninsewx”

Il-parteċipanti tan-Nescafe 3in1 LifeCycle Challenge kienet esperjenza iebsa iżda indimentikabbli għal dawk kollha li pparteċipaw.

Tliet parteċipanti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li l-pajjiżi li żaru kienu fantastiċi. Qalu li n-nies laqgħuhom ħafna. Minkejja dan spjegaw li kienet ħafna sħana, u l-umdità qawwija ma għenitx. Waħda mill-parteċipanti spejgat li l-aktar mument diffiċli għaliha kien meta weġġgħet hi għaddejja bl-isfida.

Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) hi l-unika NGO f’Malta li qed tappoġġja b’mod attiv lill-pazjenti tal-kliewi u lill-familji tagħhom. Permezz tal-għajnuna finanzjarja tal-isponsor tagħhom Nescafé 3in1, il-Fondazzjoni qed tgħin ukoll fi studju speċjalizzat ta’ riċerka fil-mard tal-kliewi fl-Università ta’ Malta filwaqt li tiġġenera iktar għarfien dwar it-trapjanti ta’ organi f’Malta.

Aqra: Distanzi twal qed iħallu effett fuq iċ-ċiklisti tal-LifeCycle Challenge

L-24 ċiklist li għamlu 10 ijiem sħaħ jaqdfu fuq ir-rota reġgħu lura Malta llum. Magħhom kien hemm seba’ membri bħala sapport li assistewhom fil-loġistika, l-għajnuna medika u l-preparazzjoni tal-ikel. Huma saqu r-rota mill-Vjetnam, għal Laos u spiċċaw il-Kambodja.

Il-fundatur tal-Fondazzjoni Alan Curry qal li din kienet waħda mill-aktar sfidi iebsin minħabba s-sħana, d-deidratazzjoni u l-kundizzjonijiet umdi li ħadu l-enerġija kollha tal-parteċipanti. Qal li t-tmiem tal-isfida kien l-isbaħ mument ta’ ħajjithom. Disa’ miċ-ċiklisti kellhom jieqfu filwaqt li l-impenn tal-15 li baqgħu qabeż il-limiti biex b’hekk irnexxielhom jagħmluha sal-aħħar.

Sa issa inġabru €190,000 u b’hekk għad hemm bżonn €10,000 oħra x’jinġabru. Qal li wara li jitnaqqsu l-ispejjeż, jifdal €100,000 biex imorru għal-lista annwali mixtieqa li jfasslu flimkien mar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei.

Donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu permezz ta’ Revolut fuq in-numru 99329101; jew ta’ sms: 5061 7370 = €2.33; 5061 8920 = €6.99; 5061 9229 = €11.65; jew permezz ta’ telefonata fuq 5160 2020 = €10, 5170 2005 = €15; u 5180 2006 = €25. Dettalji tal-bank huma kodiċi Swift VALLMTMT, numru IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, isem tal-bank Bank of Valletta, numru tal-kont 14814521017.

Filmat: Miguela Xuereb