Filmat: ​Il-kwoti għan-nisa jistgħu jgħinu jgħaġġlu t-tibdil – Il-President

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=_HJ1LurrPEw]

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-kwoti għan-nisa huma biss strateġija u għodda waħda li jistgħu jgħinu biex jgħaġġlu t-tibdil meħtieġ u jinkoraġġixxu lin-nisa żgħażagħ irawwmu ambizzjonijiet għat-tmexxija u għall-awtorità.
Ilbieraħ, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan il-jum huwa mument ta’ ċelebrazzjoni tal-kontribut mill-aqwa li n-nisa Maltin u Għawdxin jagħtu ta’ kuljum fis-soċjetà.
Fil-messaġġ tagħha, il-President qalet li n-nisa mhux qed ikunu rrappreżentati daqs l-irġiel fil-ħajja politika, ekonomika, u soċjali. Qalet li hemm bżonn li aktar nisa jkunu mudelli viżibbli biex jispiraw aktar bniet u nisa żgħażagħ biex jipparteċipaw fit-tmexxija soċjali, politika, kulturali, u ekonomika fis-soċjetà.
Skont il-President, jekk ikun hemm nisa f’pożizzjonijiet ta’ awtorità u ta’ tmexxija, tinħoloq aktar kuxjenza dwar min jista’ jmexxi, u l-kwalitajiet li huma importanti fir-rwoli tat-tmexxija effettiva.
Coleiro Preca qalet li tqis dan il-jum bħala opportunità għall-poplu biex jiftakar f’dawk l-affarijiet li għandhom jgħaqduh għax huma ta’ importanza għall-ħajja.
Coleiro Preca qalet li qed tirreferi għas-setturi importanti bħal dawk tal-edukazzjoni, li fi kliem il-President “għandha tibni mill-qiegħ l-għarfien dwar il-bżonn li l-bniet u s-subien u n-nisa u l-irġiel iħarsu lejn xulxin bħala msieħba u kollaboraturi valutati indaqs fis-soċjetà.”
Coleiro Preca qalet ukoll li hemm bżonn protezzjoni xierqa kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Il-President qalet li trid tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel li qed jagħmlu l-istess kwalità ta’ xogħol. Skont il-President, “dawn huma diskrepanzi inaċċettabbli fil-kuntest tal-ħelsien sħiħ ekonomiku u politiku tan-nisa.” Żiedet tgħid li dawn huma diskrepanzi li għandhom effetti mill-aktar negattivi fuq livell nazzjonali.
Intant, il-President żaret ukoll attività oħra f'lukanda fil-Furjana, bit-tema The Women in Me, organizzata fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa. 
Intant, meta kienet qed tindirizza konferenza bit-titlu Inspire to Achieve organizzat mill-Istitut Malti għall-Accountants, il-President saħqet li għandu jiġi assigurat li l-vuċijiet tan-nisa qed jinstemgħu.
Semmiet il-pjattaforma EMPOWER, li hija l-ewwel pjattaforma tal-organizzazzjonijiet tan-nisa, li ġiet iffaċilitata mill-Fondazzjoni tagħha għall-Benesseru tas-Soċjetà sena ilu.
Żiedet tgħid li EMPOWER qed tinkoraġġixxi iktar nisa jipparteċipaw f’pożizzjonijiet ta’ influwenza u tmexxija.
Il-President ipparteċipat f’attività oħra organizzata mill-100 Mara fil-Finanzi, fejn saħet li hemm bżonn li jinstabu metodi biex l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ekwità u l-inklużjoni tkun adottata minn kulħadd.