Filmat: Il-kwarantina tista’ ssir f’faċilità tal-awtoritajiet tas-saħħa

Read in English.

Tliet individwi li kienu abbord cruiseliner tqiegħdu fi kwarantina b’mod obbligatorju. Il-vapur MS Westerdam ma tħalliex jidħol f’diversi pajjiżi Ażjatiċi minħabba biża’ mill-coronavirus. Tal-anqas passiġġier wieħed kien ikkonfermat bil-virus. Eventwalment, il-vapur daħal fil-Kambodja. Dawn għamlu l-kwarantina fil-faċilità tal-awtoritajiet tas-saħħa.

S’issa f’Malta m’hawn l-ebda każijiet tal-coronavirus.

Newsbook.com.mt staqsa lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, dwar id-differenza bejn kwarantina li wieħed jagħmilha waħdu u kwarantina obbligatorja.

Hija spjegat li meta wieħed jitqiegħed fi kwarantina obbligatorja, bħalma ġara lil dawk it-tliet Maltin li kienu abbord il-vapur, l-individwu jista’ jagħżel joqgħodx id-dar jew joqgħodx fil-faċilità offruta mill-awtoritajiet tas-saħħa.

F’dan il-każ, il-pulizija jsegwu l-każ. Jekk xi ħadd ma jkunx jista’ joqgħod kwarantina d-dar, ikollu l-possibbiltà li joqgħod fil-faċilità li tlestiet apposta.

L-awtoritajiet tas-saħħa m’għandhomx in-numru preċiż ta’ kemm hemm individwi li qegħdin kwarantina minn jeddhom.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika tas-Saħħa (MAM) Martin Balzan ikkritika dan l-approċċ min-naħa tal-awtoritajiet, u stqarr li l-kwarantina li wieħed jagħmel għal rasu mhix taħdem. Saħaq li l-ġenituri baqgħu jibagħtu lit-tfal l-iskola u l-impjegati baqgħu jmorru għax-xogħol, minkejja li dawn ikunu żaru pajjiżi ta’ riskju għoli.

Prof. Gauci tenniet li l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom pjan f’każ li jiġi kkonfermat xi każ tal-coronavirus f’Malta. Jekk jiġri hekk, l-awtoritajiet jibdew jippruvaw iżommu lill-virus milli jinfirex, fosthom billi jiġu pprojbiti avvenimenti li għalihom jattendu ħafna nies.

Filmat: Miguela Xuereb