Filmat: ​Il-kwalità tal-ħajja f’Malta riesqa lejn dik tat-tielet dinja – ekonomista

L-ekonomista Prof. Lino Briguglio qal li l-kwalità tal-ħajja ta’ Malta qed toqrob lejn dawk tat-tielet dinja flok dawk tal-Ewropa.
Briguglio kien qed jitkellem fuq il-programm Follow Up fuq RTK103FM ippreżentat minn Sylvana Debono. Parti mill-programm kien dwar is-surplus ta’ kważi €437 miljun li rreġistra l-Gvern fl-2017.
Qed jinħass is-surplus?
Briguglio qal li għalkemm hemm surplus, it-toroq f’Malta huma fost l-agħar fl-Ewropa u li l-kuntratturi qed ikissru l-ibliet u l-irħula. Staqsa jekk is-surplus hux qed iwassal biex il-ħajja tal-Maltin timxi ‘l quddiem.
Briguglio qal li l-istandards fil-pajjiż waqgħu ma’ tlugħ il-Partit Laburista fil-Gvern. Qal li hemm kunflitti ta’ interess kullimkien, imġieba ħażina fit-toroq, u li kulħadd qed jaħseb li jista’ jagħmel li jrid. Tkellem dwar l-idea li jekk persuna tiżbajlja, tkellem lil Ministru biex il-problema tissolva.  
Fi kliem Briguglio, in-nefqa kapitali tal-Gvern fit-toroq, bankini, u skejjel mhix għolja. Żied jgħid li s-surplus għandu jintuża’ biex titjieb il-ħajja tal-Maltin minflok tintuża’ bħala propoganda.
Kif sar is-surplus?
L-ekonomista qal li mhux ħażin li pajjiż jirreġistra surplus imma qal li dan m’għandux jintuża’ bħala propoganda politika.
Briguglio qal li surplus jiġi meta Gvern idaħħal aktar flus milli jonfoq. Spjega li s-surplus ta’ Malta sar grazzi għall-bejgħ tal-passaporti u għat-taxxi li ġabar il-Gvern.
Fl-opinjoni ta’ Briguglio, għalkemm il-passaporti jiġġeneraw il-flus, dawn mhumhiex sors ta’ dħul sostenibbli għax ma jiġġenerawx ħafna impjiegi.