Filmat: Il-kuntratt mal-Vitals sar ħażin, allura għandu jaqa’ ta’ Steward – Assistent Direttur tal-UĦM

Read in English.

L-Assistent Direttur tal-UĦM – Voice of the Workers Gian Paul Gauci qal li peress li l-kuntratt tat-trasferiment tal-isptarijiet ta’ San Luqa, Karin Grech, u ta’ Għawdex lill-kumpanija Vitals Global Healthcare sar ħażin, għandu jaqa’ il-kuntratt li sar warajh ma’ Steward Health Care.

Gauci qal dan fuq l-istazzjon 103 waqt li kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg.

Gauci spjega kif mill-bidu nett il-UĦM saħqet li l-kuntratt jidher li mhux magħmul biex jgħin lill-poplu imma lil xi grupp żgħir ta’ nies. Saħaq li meta bdew in-negozjati ma’ Vitals deher biċ-ċar li din ma kinetx kumpanija serja.

Saħaq li r-rapport tal-Awditur Ġenerali kkonferma t-tħassib tal-unjins dwar Vitals.

Gauci qal li peress li l-kuntratt mal-Vitals sar ħażin, il-kuntratt li sar ma’ Steward għandu jaqa’.

Mitlub jispjega aktar, Gauci uża l-eżempju ta’ dar li xi ħadd se jkun se jixtri. Qal li meta wieħed ikun se jixtri dar issir riċerka minn qabel. Qal li jekk ir-riċerka ssib li l-art li fuqha hija mibnija d-dar tkun misruqa, mhux talli jaqa’ l-ewwel kuntratt iżda talli jaqa’ kull kuntratt ieħor li jkun hemm warajh. Qal li fil-każ ta’ Steward hemm kuntratt li huwa mibni fuq kuntratt ħażin.

Gauci qal li huwa ċar li l-ftehim ma’ Vitals kien sar minn qabel wara dahar il-poplu. Żied jgħid li l-istess poplu ma ħa xejn minnu għax kellu jkun hemm sptarijiet ġodda f’Għawdex u f’San Luqa imma li sal-lum m’hemm xejn. Spjega li dawk in-nies li kienu f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija meta kien hemm il-Vitals huma l-istess nies li qed imexxu issa taħt Steward. Qal li l-unika ħaġa li nbidlet hija li hemm xi ħaddiema li qed jitħallsu paga inqas minn sħabhom li huma impjegati mill-Gvern bl-iskuża li dawn qegħdin fil-privat. Gauci qal li hemm ħaddiema tal-Gvern u ta’ Steward li qed jagħmlu l-istess xogħol, mal-istess pazjenti, u bl-istess uniformi imma li qed jaqilgħu paga differenti. Saħaq li Steward qed taġixxi b’mod illegali.

F’rapport kritiku għall-aħħar dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-Vitals Global Healthcare (VGH), l-Awditur Ġenerali jindika li l-proċess kien dubjuż, l-Vitals kellhom jiġu skwalifikati u kien hemm kollużjoni fil-ftehim. L-Awditur jgħid ukoll li ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni.