Filmat: “Il-kuntatt man-nies wassal għal dan ir-riżultat” – Dalli

Read in English.

Il-kandidata għal Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista Miriam Dalli sostniet li l-kuntatt man-nies li kellu kemm il-Partit Laburista, kif ukoll li kellha hi waqt il-kampanja tagħha, wassal għar-riżultat ta’ rebħa oħra kbira għall-Partit.

Dan qalitu hi u titkellem ma’ Newsbook.com.mt mis-sala tal-għadd tal-voti hekk kif issa il-ħin dejjem qed joqrob sabiex jiġu żvelati r-riżultati uffiċjali. Aktar kmieni, sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li l-Partit Laburista se jtella’ erba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jitlef wieħed u jtella’ żewġ siġġijiet. Miriam Dalli qiegħda tissemma bħala l-kandidata li kisbet l-iżjed voti.

AQRA: X’inhu għaddej fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar?

Ma’ Newsbook.com.mt, Dalli qalet li x-xogħol tal-Partit Laburista fil-Gvern fl-aħħar ħames snin, minħabba li kienu qrib in-nies, u li għarfu wkoll fejn kienu n-nuqqasijiet tagħhom u ndirizzawhom, irnexxielhom jaslu għal riżultat bħal dan. Sa issa qed jiġi rrapurtat li l-Partit Laburista kiseb aktar minn 50,000 vot aktar mill-Partit Nazzjonalista.

Dalli tenniet li l-iktar ħaġa importanti għal dan il-moviment huwa li jibqa’ man-nies u għan-nies. Qalet li hemm bżonn li l-Partit u r-rappreżentanti tiegħu jkunu saqajhom mal-art il-ħin kollu. Insistiet li li wieħed ikollu kariga mhux privileġġ iżda xi ħaġa li rċevew mingħand iċ-ċittadini li jemmnu li jistgħu jirrappreżentawhom bl-aħjar mod.