Filmat: Il-kundizzjoni grazzja minn Alla biex inwassal il-messaġġ tiegħi – Bjorn

Read in English.

Bjorn Formosa qal li l-kundizzjoni tiegħu tal-ALS hija grazzja minn Alla biex iwassal il-messaġġ tiegħu.

Mistoqsi minn Prof. Andrew Azzopardi jekk jużax il-kundizzjoni tiegħu bħala mezz ta’ riklamar, billi jesaġera l-uġigħ biex aktar jinġabru flus għall-kampanji li jagħmel b’risq ALS Malta, il-fondazzjoni li waqqaf hu, Bjorn qal li huwa ovvja li le, li dak l-uġigħ verament ikun qed iħossu.

Madankollu, Bjorn iqis l-ALS bħala “grazzja minn Alla” għax jista’ jużaha biex jgħin lin-nies. Qal li rari juża lil nies oħra fir-riklamar, iżda juża lilu nnifsu bħala mezz ta’ komunikazzjoni man-nies, għaliex huma mbagħad jifhmu li bħalu hemm ħafna oħrajn. Żied jgħid li n-nies bl-ALS normalment jgħixu medja ta’ sena u nofs, iżda hu għamel operazzjoni biex itawwal ħajtu kemm jista’ jkun ħalli jibqa’ jwettaq dawn il-proġetti.

L-aħħar maratona ta’ ALS Malta
Jinġabru kważi miljun u nofs għal Dar Bjorn

Prof. Azzopardi staqsieh ukoll fuq il-fondi ta’ ALS Malta, u dwar jekk Bjorn u martu Maria jiħdux flus tax-xogħol kollu li jwettqu. Bi tbissima, Bjorn qallu li le, anzi milli fadallu mill-ħajja jipprova jagħti. Spjega li jekk iżidu l-pagi aktar ma jidħlu donazzjonijiet, imbagħad jintilef l-iskop tal-fondazzjonijiet. Fakkar li ALS Malta hija organizzazzjoni volontarja.

Dwar Dar Bjorn qal li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq id-dar il-ġdida f’Ħaż-Żebbuġ mistenni jitlesta sa nofs is-sena d-dieħla, bit-tama li mbagħad jifdal l-aħħar naqriet u d-dar tiftaħ sa tmiem is-sena.

L-intervista sħiħa: