Filmat: “Il-kunċert annwali se jkun qed isir” – Joseph Calleja

Waqt xandira live fuq Facebook, it-Tenur ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja ħabbar li l-kunċert annwali tiegħu se jkun qed isir ukoll din is-sena.

Filwaqt li hu ħabbar li d-data tal-kunċert hija l-4 ta’ Settembru, hu qal ukoll li dettalji dwar dan il-kunċert se jkunu qed jinħarġu aktar tard din il-ġimgħa minn NnG Promotions. Dakinhar inkunu nafu min se jkunu l-artisti li se jkunu qed ikunu fuq l-istess palk ma’ Joseph Calleja.

“Se tkun ċelebrazzjoni ta’ mistednin,” qal hu filwaqt li qal li jista’ jkun hemm xi restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19.

Ħabbar ukoll li l-Metropolitan Opera se jkunu ġejjin pajjiżna biex jiffilmjaw kunċert flimkien mas-Sopran Diana Damrau li se tkun hawnhekk mal-familja tagħha.

Joseph Calleja kkonferma wkoll l-album il-ġdid tiegħu Mantovani and Calleja li kellu jinħareġ minn Decca Records f’Ġunju, iżda kellu jiġu pospost. Hu qal ukoll li malli s-sitwazzjoni tikkalma aktar, ikun qed iniedi dan l-album fir-Renju Unit.