Filmat: “Iktar ilmenti għax min iħaddem ma jifhimx il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità”

Read in English.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li l-Kummissjoni hija xhieda li meta wieħed jimpjega persuni b’abbiltajiet differenti u b’hekk ikun hemm diversità, wieħed jista’ xorta waħda jkun ta’ suċċess.

Hu qal dan f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fejn ġie mistoqsi dwar l-isfidi li jaffaċċjaw ta’ kuljum persuni b’diżabilità fuq il-postijiet tax-xogħol.

Scicluna qal li dan l-aħħar żdiedu l-ilmenti dwar l-impjieg, iżda dan sempliċiment minħabba li żdied l-għadd ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. Qal li hemm bżonn li l-komunitajiet ikomplu jaħdmu fuq punti ta’ progress għal karrieri aħjar ta’ persuni b’diżabilità u biex dawn ikollhom aċċess għal niċeċ ġodda ta’ impjieg.

Aqra: Filmat: Ninsew il-perikli meta bankina tkun ingumbrata – Scicluna

Hu kompla jgħid li l-ilmenti ġeneralment ikunu fuq każijiet li min iħaddem ma jifhimx il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità. Qal li l-persuni bi bżonnijiet speċjali huma kollha differenti u wieħed ma jistax jitfa’ lil kulħadd fl-istess keffa. Qal li l-Kummissjoni tinnota li ħafna drabi, meta jkun hemm ilmenti mingħand ħaddiema, meta mbagħad jitkellmu ma’ min iħaddem isibu li lanqas biss ikun jaf li qed jikser il-liġi li ma joffrix akkommodazzjoni raġġjonevoli lil persuna b’diżabilità.

Mil-lat pożittiv, il-Kummissarju spjega li l-Kummissjoni għandha aktar minn nofs il-ħaddiema tagħha li għandhom xi diżabilità, minkejja li mhix obbligata tagħmel dan.

Temm b’appell għal dawk kollha li forsi jibżgħu jagħmlu ‘l pass sabiex jibdew huma wkoll iħaddmu aktar u aktar persuni b’diżabilità u semma li hawn entitajiet li huma lesti biex jigwidawhom bl-aħjar modi kif jistgħu jagħmlu dan. Fosthom hemm Lino Spiteri Foundation u l-Aġenzija Sapport.

Filmat: Miguela Xuereb