Aġġornata (2): Membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment Alan Kurdi evakwat minħabba raġunijiet mediċi

Aġġornata

Membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment Alan Kurdi tal-għaqda Sea-Eye ġie evakwat għall-ħabta tad-9pm.

Newsbook.com.mt huwa nfurmat li l-inġinier tal-bastiment kellu jiġi evakwat mill-AFM minħabba raġunijiet mediċi. Huwa ttieħed Mater Dei.

Kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt l-evakwazzjoni medika.

Aġġornata: Filmat: Franza u pajjiżi oħra tal-UE lesti jieħdu l-immigranti abbord Alan Kurdi

Il-Ministru tal-Intern Franċiż Christophe Castaner‏ qal li huwa tkellem mal-Ministru tal-Intern Michael Farrugia u nfurmah li Franza flimkien ma’ pajjiżi oħra bħal Ġermanja lesti li jidħlu l-persuni salvati u li bħalissa jinsabu fuq il-bastiment Alan Kurdi. Il-persuni ilhom għal iktar minn 10 ijiem abbord il-bastiment u jinsabu jistennew il barra mill-ibħra territorjali ta’ Malta. Iktar kmieni 27 għaqda mhux governattiva fosthom l-Kummissjoni għall-Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta appellaw lill-Gvern biex huma jitħallew jitniżżlu f’Malta.

Castaner saħaq li Franza flimkien ma’ pajjiżi oħra tal-UE lesti li juru solidarjetà ma’ Malta jekk jitħallew jinżlu Malta.

Filmat: Il-Kummissjoni għadha għaddejja tfittex soluzzjoni għal Alan Kurdi; L-għaqdiet jappellaw lill-Gvern

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-kuntatti li bdew il-ġimgħa l-oħra dwar il-bastiment Alan Kurdi tal-għaqda tat-tfittxija u salvataġġ Ġermaniża Sea-Eye, għadhom għaddejjin. Filwaqt li l-ambaxxatriċċi għal Malta fl-Italja Vanessa Frazier qalet f’intervista li l-kwistjoni se tissolva fis-sigħat li ġejjin jew illum waqt intervista fuq TV2000.

AQRA: Alan Kurdi: Il-vapur ma jiċċaqlaqx u għadu ’l barra minn Malta

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Immigrazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ Alan Kurdi. Il-kelliema għall-Kummissarju Dimitris Avramopoulos qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-kuntatti intensivi għadhom għaddejjin.

AQRA: Mara evakwata mill-bastiment Alan Kurdi

Intant, l-ambaxxatriċċi Vanessa Frazier li kienet mistiedna fuq il-programm Today li jixxandar fuq TV2000 qalet li tinsab ċerta li s-sitwazzjoni se tiġi solvuta fis-sigħat li ġejjin. Hi sostniet li se jibqa’ jkun hemm każijiet bħal dawn.

AQRA: “Ġiet sfurzata taħdem f’burdell u ttorturata” – mara fuq Alan Kurdi

L-għaqda Sea-Eye assistit 64 persuna li sabu ruħhom f’diffikultà. Tnejn mill-persuni salvati ġew evakwati minħabba raġunijiet mediċi. Dan huwa l-għaxar jum għall-immigranti salvati li jinsabu bejn

Sea-Eye

sema u ilma. 221 Membri Parlamentari Ġermaniżi ffirmaw appell favur dawk li ġew salvati mill-għarqa. Il-membri parlamentari huma mill-partiti kollha.

Il-mara tqila li ġiet evakwata lejn Malta tinsab tajba skont ma qalu l-għaqda Sea-Eye.

AQRA: Filmat: “Mara tqila fuq Alan Kurdi sofriet minn attakk tal-epilessija”

27 għaqda jappellaw lill-Gvern Malti biex jitħallew jidħlu f’Malta.

27 għaqda ffirmaw stqarrija li fiha appellaw biex il-Gvern Malti jħalli lill-64 persuna salvata jidħlu f’Malta. L-għaqdiet saħqu li Malta għandha tpoġġi l-umanità l-ewwel u tikkunsidra l-aspetti legali u politiċi wara. Huma sostnew li l-Libja ma għandiex tiġi kkunsidrata bħala port sigur biex jittieħdu lura n-nies u fakkru fin-numru ta’ rapporti li juru s-sitwazzjoni tar-rifjuġjati fil-Libja. Fl-aħħar ġimgħa l-ġlied fil-Libja reġa’ eskala b’ħafna ħarbu minn darhom.

L-għaqdiet sostnew li jinsabu inkwetati hekk kif il-pajjiżi li jinsabu mal-fruntiera qed jirrifjutaw li jħallu bastimenti privati milli jinżlu l-immigranti li huma jkunu salvaw mill-għarqa hekk kif huma obbligati bil-liġi internazzjonali. L-għaqdiet temmew jgħidu li minkejja d-diffikultajiet li qed jinħoloqu minħabba l-Italja, Malta tista’ tagħmel aħjar u għandha tagħmel aħjar.

L-għaqdiet li ffirmaw l-istqarrija huma l-fondazzjoni aditus, Allied Rainbow Communities, l-Uffiċċju tad-Dekan fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas- Soċjetà, id-Dipartiment għall-Istudji tal-Ġeneru, id-Dipartiment għall-Inklużjoni u l-Aċċess għat-Tgħallim, id-Dipartiment għall-Istudji taż-Żgħażagħ ul-Komunità, Drachma LGBTI, Drachma Parents Group, il-Fondazzjoni għall-Kenn u s-Sapport għall-Immigranti, LGBTI+ Gozo, il-fondazzjoni Integra, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għar-Rifuġjati, Isles of the Left, Jesuit Refugee Service Malta, Kopin, MGRM, Moviment Graffitti, il-fondazzjoni OASI, il-Pjattaforma għall-organiżazzjonijiet għad-Drittijiet Umani f’Malta, Richmond Foundation, Solidarity with Migrants, SOS Malta, Spark15, il-Komunità Sudaniża f’Malta, The Critical Institute, Victim Support Malta, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta u JosAnn Cutajar.