Filmat: Il-Kummissarju Għoli tal-UE ma jafx dwar il-proposta ta’ Malta

Il-Kummissarju Għoli tal-Unjoni Ewropea Josef Borrell deher li ma kienx jaf dwar il-proposta ta’ Malta li l-Unjoni Ewropea toffri pakkett ta’ għajnuna minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo kien ħabbar li l-Gvern se jkun qed jinsisti mal-Unjoni Ewropea biex tibda missjoni umanitarja fil-Libja permezz ta’ pakkett finanzjarju li għandu jkun ta’ €100 miljun u “l-għajnuna għandha tingħata imminenti, illum qabel għada”.

Josep Borrell Fontelles

Waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet wara l-laqgħa tal-Kunsill li fiha pparteċipaw il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-UE, il-Kummissarju Għoli Borrell ma semmix lil Malta għajr waqt it-tweġiba tal-ġurnalista li staqsiet dwar il-proposta ta’ għajnuna umanitarja. Huwa wieġeb billi qal li din ma kinitx kwistjoni importanti tant li qal li Malta ma talbitx għal pakkett ta’ għajnuna.

Huwa qal li Malta wissiet li tista’ taffaċċja mewġa ta’ immigranti li jaslu Malta mil-Libja. Borrell qal li l-Gvern Malti għarrafhom li qed jipprepara għal dan l-influss li potenzjalment jista’ jseħħ. Spjega wkoll li l-Gvern Malti qal li s-sistema tas-saħħa f’Malta hija ffullata u l-pajjiż ikun f’diffikultà jekk jaffaċċja żieda ta’ immigranti

Dwar il-Libja, il-Kummissarju Għoli qal li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ tgħin lil Libja bħala pajjiż ġarr tagħha permezz ta’ għajnuna biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa kif ukoll lill-gwardji tal-kosta Libjana. Huwa temm jgħid li l-pajjiżi tal-Visegrad li huma r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakja qed jagħtu €35 miljun għall-Fond Afrikan li permezz tiegħu qed jgħinu lil-Libja tiġġieled il-pandemija tal-coronavirus.

Il-Ministru Bartolo jgħid li l-UE se tgħin

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li l-Unjoni Ewropea se tgħin permezz ta’ għajnuna umanitarja lil-Libja. F’filmat fuq Facebook, il-Ministru laqa’ dan b’mod pożittiv iżda qal li l-kriżi umanitarja mhix se tisparixxi. Huwa qal li x-xewqa hija li l-Libja tqum fuq saqajja biex tofri futur lil dawk li jgħixu fiha.

Dwar il-pakkett li skontu kien propost minn Malta, Bartolo qal li ġab l-appoġġ tal-pajjiżi l-oħra flimkien mal-appoġġ ukoll tal-Kummissarju Għoli Josef Borrell.

“Nixtieq nirringrazzjahom biex din it-talba tagħna tintlaqa’ mill-ewwel”, stqarr il-Ministru Bartolo.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn