Filmat: ‘Il-Kostituzzjoni hi biċċa karta, jekk ma titħaddimx kif suppost’ – Imħallef Emeritu

Read in English.

L-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello saħaq li l-Kostituzzjoni “mhi xejn ħlief biċċa karta jekk ma titħaddimx kif suppost”. Żied jgħid li liġijiet li jiġu ddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni mill-Qrati Kostituzzjonali qed jitħallew hemm, minkejja li l-Kostituzzjoni tgħid li dawn għandhom jiġu nulli u jsiru invalidi.

L-Imħallef Emeritu li serva bħala imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kien intervistat fuq Newsbook.com.mt, liema intervista se tixxandar fuq 103 nhar is-Sibt li ġej.

Mistoqsi jekk jaqbilx li hemm bżonn issir riforma kostituzzjonali, l-Imħallef Emeritu qal li l-Kostituzzjoni ta’ Malta hi tajba kif inhi. Żied jgħid li maż-żmien ikun hemm bżonn ta’ bdil ‘l hemm u ‘l hawn, iżda fl-aħħar mill-aħħar jgħodd kif titħaddem. Fil-bidu ta’ Awwissu, f’nofs is-sajf, tnediet konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma kostituzzjonali mill-President George Vella. Il-konsultazzjoni pubblika se ddum għaddejja tliet xhur.

AQRA: Tibda l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma kostituzzjonali

Giovanni Bonello sostna li l-Kostituzzjoni ta’ Malta hi kif inhi, l-importanti huwa t-tħaddim tal-istess Kostituzzjoni. Spjega kif fl-aħħar mill-aħħar huwa importanti li wieħed jirrispetta l-valuri u l-prinċipji tagħha. Spjega li l-Unjoni Sovjetika kellha kostituzzjoni “perfetta” fejn jidħol il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u li minkejja dan kollu l-istorja wriet mod ieħor.

Il-Kostituzzjoni hi l-liġi suprema tal-pajjiż, għaldaqstant il-liġijiet ordinarji jridu jsegwu l-ispirtu tal-istess kostituzzjoni. Fil-Kostituzzjoni ta’ Malta hemm provediment li jgħid li liġi li ma taqbilx mal-kostituzzjoni hi nulla. Però minkejja dan wieħed jista’ jsib diversi eżempji ta’ deċiżjonijiet bħal dawn mill-Qrati Maltin, li xorta baqgħu hemm.

L-Imħallef Emeritu qabbel dak li jiġri f’Malta, ma’ pajjiżi fejn m’hemmx providementi ċari fil-kostituzzjoni tagħhom, meta jinsab li liġi tmur kontra l-kostituzzjoni. Huwa sostna li f’kważi kull wieħed minn dawn il-pajjiżi l-liġi tiġi nulla. Stqarr li f’Malta jiġri l-kontra, minkejja li għandna “kostituzzjoni perfetta” u żied jgħid li l-Qrati tagħna qalu li “il-liġijiet jibdluhom il-politiċi biss, jekk iridu jibdluhom u meta jridu jibdluhom”.

“Każijiet minħabba liġijiet li jmorru kontra l-kostituzzjoni”

Il-liġijiet l-antiki tal-kera, tal-kompetizzjoni u tal-arbitraġġ kemm-il darba ġew iddikkjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni. Minkejja dan jibqgħu hemm.

F’Ġunju ta’ din is-sena l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ddikkjarat għal darb’oħra li “ir-relazzjoni sfurzata ta’ sid-inkwilin” hi inġusta u għalhekk tammonta għal ksur ta’ drittijiet fundamentali. Każ mill-iktar riċenti f’sensiela ta’ deċiżjonijiet li ngħataw f’Malta u anki mill-Qrati għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, kien dak li nfetaħ minn sidien ta’ dar fiż-Żejtun li kienu krew il-propjetà tagħhom lil koppja fl-1995. Il-propjetà kienet qed tinkera għal €23 fix-xahar filwaqt li l-perit kien stima li l-valur tal-propjetà għal €522.50 fix-xahar skont is-suq tal-kera bħalissa. Is-sidien tal-propjetà fittxew kemm lill-Avukat Ġenerali kif ukoll lill-koppja li kienet qed tikri fuq ksur tad-dritt tagħhom għat-tgawdija tal-propjetà kemm skont il-Kostituzzjoni kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea, u rebħu l-każ.

Is-sidien tal-propjetà kienu mċaħħda mid-dritt li jirrevedu l-prezz tal-kera taħt il-Kapitlu 69 dwar l-Ordinanza li Tirregola t-Tiġdid tal-Kiri ta’ Bini. Dan għaliex li kuntratti tal-kera li kienu ffirmati qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 kienu protetti mil-liġi.

Madankollu kif ġara f’dan il-każ u f’każijiet oħra qablu, dawk is-sidien li kienu qed jikru b’kuntratt li sar qabel din il-liġi kellhom jiftħu każ fil-Qorti, u wara diversi snin, il-Qorti terġa’ tasal għall-istess konklużjoni li din il-liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni.

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta ġiet addottata dakinhar li Malta saret Indipendenti.