Filmat: “Il-Korp tal-Pulizija mhux qiegħed biex jaqdi xi partit fil-poter” – L-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=FNSeWDPQ0mg]

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Korp tal-Pulizija mhux qiegħed hemm biex jaqdi xi partit fil-poter, imma biex jaqdi liċ-ċittadini kollha. Spjega li dan sabiex il-ħarsien tal-liġi jkun garantit lil kulħadd bl-istess mod.
Fl-omelija waqt il-Quddiesa li fakkret il-203 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, Mons. Scicluna qal li l-Korp għandu bżonn kemm l-awtonomija minn kull poter ieħor tal-istat, kif ukoll il-mezzi biex ikun jista’ jaqdi dmiru mill-aħjar li jista’.
Fil-ħsieb tiegħu Mons. Scicluna għamel referenza għall-istorja ta’ Ġużeppi, li kien inbiegħ minn ħutu minħabba l-għira. Sostna li f’din l-istorja, wieħed jara l-inġustizzja, li m’għandhiex l-aħħar kelma fl-istorja tal-umanità.
Huwa rrefera għal diversi mistoqsijiet li wieħed jistaqsi, fosthom għaliex ibatu tant persuni innoċenti, għaliex baħar sabiħ isir ċimiterju, għaliex ġuvni jew xebba jmutu minħabba overdose. Filwaqt li qal li m’għandux kliem biex ikellem lill-ġenituri ta’ dawn in-nies, Mons. Scicluna saħaq li wieħed irid jemmen fl-għajnuna ta’ Alla li taf tbiddel ċirkustanzi diffiċli f’opportunitajiet ta’ ġid.
Fl-isfond ta’ kif ġie trattat Ġużeppi, Mons. Scicluna sellem lill-membri tal-Korp, li waqt id-dover tagħhom ġew ttrattati ħażin mill-kriminali u mill-pubbliku.
Huwa faħħar u nkoraġġixxa l-ispirtu ta’ ċiviltà li hemm fil-Korp, biex għalkemm it-tentazzjoni tkun qawwija ħafna, ma jirrispondux bl-istess lingwaġġ jew bi vjolenza.
Temm jgħid li l-Korp m’għandux x’jaqsam mal-vjolenza iżda għandu bżonn il-forza biex iġib id-dixxiplina. 
Preżenti għall-Quddies kien hemm membri mill-Korp Polizei Nordrhein-Westfalen Gelsenkirchen.
Ritratti: Ian Noel Pace