Filmat: Il-Korea ta’ Fuq b’parata militari…jum qabel l-Olimpjadi

Il-Korea ta’ Fuq iddandnet b’parata militari, jum biss qabel jibdew l-Olimpjadi tax-Xitwa fil-Korea t’Isfel.
Għal dil-parata attenda l-mexxej, Kim Jong-un ma’ martu.
Normalment parata ta’ din it-tip issir f’April, u allura ċ-ċaqliq tagħha għal-lum, proprju jum qabel jibdew l-Olimpjadi, qanqlu tħassib.
Dan għaliex bis-saħħa tal-Olimpjadi l-Koreani se jingħaqdu, imqar jekk għal ftit, u se jimmarċjaw taħt bandiera waħda.
Iżda dil-mossa tal-Korea ta’ Fuq titfa’ dell fuq din il-ħbiberija tal-Koreani waqt l-Olimpjadi.
Madankollu l-Korea t’Isfel ħabbret illum li se tiltaqa’ mad-delegazzjoni tal-Olimpjadi tal-Korea ta’ Fuq is-Sibt li ġej, għalkemm ma semmietx ir-raġuni.
Il-parata li s-soltu ssir f’April, dis-sena mmarkat is-70 sena mit-twaqqif tal-Armata tal-Poplu Korean, u l-aħħar darba li saret fi Frar kien 40 sena ilu.
Jidher li kmieni l-Ħamis filgħodu, ħin Korean, l-istazzjon nazzjonali beda jxandar bosta filmati patrijottiċi, donnu kif isir normalment qabel ikun hemm xandira diretta.
Madankollu x-xandira dehret aktar tard u f’biċċiet mhux wara xulxin.
Uħud mill-kummentaturi fil-Korea t’Isfel qalu li x-xandira ma dehritx diretta apposta sabiex ma tiġbidx wisq l-attenzjoni minħabba l-Olimpjadi.
Sadanittant, fid-diskors tiegħu, Kim Jong-un qal li l-Korea ta’ Fuq saret qawwi militari dinjija.