Filmat: Il-koppja li taħrab minn moħħ magħluq issib kenn f’kanzunetta bil-Malti

Il-mużika Maltija tingħata dehra ġdida mill-band “The Travellers”, hekk kif ilbieraħ nediet l-ewwel tentattiv mużikali tagħha bid-diska l-ġdida “Sempliċità”.  
Il-kanzunetta tittratta koppja li qed tipprova ssib il-libertà u l-kuntentizza li toffri l-ħajja billi tipprova taħrab mis-soċjetà li għandha moħħ magħluq.  
Li jiddistingwiha minn diski lokali oħrajn hi l-lingwa Maltija, li kien esperiment li beda mill-2013, meta twaqqaf il-grupp.
Ma' Newsbook.com.mt, Michael Camilleri, id-drummer tal-band,  qal li l-għan tagħhom hu li “nagħtu dimensjoni ġdida lill-mużika Maltija” f’pajjiż fejn ix-xena lokali hi dominata minn bands li joħorġu d-diski bl-Ingliż. Żied jgħid li l-ftit li jużaw l-lingwa materna jitbiegħdu mill-istil kontemporanju u pop.
Michael semma kif il-pubbliku laqa’ dan l-esperiment b’mod tajjeb u b'sodisfazzjon tenna li kien “riskjuż imma naħseb irnexxielna b’mod tajjeb ħafna li napplikaw il-lirika Maltija għall-istil kontemporanju u modern tal-lum.”
Il-band ħa toħroġ it-tieni diska fix-xhur li ġejjin u se tkun segwita minn ħames diski bil-Malti.
Il-band hi magħmula minn ħames żgħażagħ oħra: Chris Gatt, Joseph Xerri, Andrew Vella, Sylvano Mizzi u Clayton Bonello.