Filmat: “Fr Charles, strieħ, aħna se nkomplu fejn bdejt inti” – L-Arċisqof

“Fr Charles, strieħ, aħna se nkomplu fejn inti bdejt”.

Dan kien l-aħħar kliem tal-Arċisqof Charles Scicluna, b’ton imbikkem, waqt l-omelija tal-funeral ta’ Mons. Charles Vella, il-fundatur tal-Moviment ta’ Kana, li miet is-Sibt li għadda fl-età ta’ 89 sena.
Mons. Scicluna kompla jgħid li l-impenn tal-Knisja hu li, forsi b’iżjed urġenza, tkompli tibni l-familja bħala ċ-ċentru tas-soċjetà. Saħaq li fejn ma jasalx l-istat “għax m’għandux fondi biex jissapportja l-Moviment ta’ Kana, nidħlu aħna biex insostnu din ir-realtà”.
L-Arċisqof insista li l-Knisja qatt mhu se tħalli lill-Moviment ta’ Kana nieqes minn dak li għandu bżonn biex ikompli bl-operat tiegħu, “anke fejn min għandu prijoritajiet oħra m’għandux biex jissapportjah”.

Filwaqt li sellem lin-nies li ħadmu ma’ Mons. Charles f’ħajtu, Mons. Scicluna rrikonoxxa l-ħidma tal-Moviment ta’ Kana, li l-messaġġ li kien jgħaddi kien dak ta’ mħabba.
Mons. Scicluna rrefera għall-qari ta’ waqt il-quddiesa, minn Iżaija, dwar il-ħelsien tal-poplu Lhudi mill-Eġittu bħala profezija ta’ ħelsien ġdid, ħelsien li jibda mill-qalb.
Sostna li din kienet il-konvinzjoni li mexxiet lil Dun Charles fil-ħidma tiegħu, jiġifieri li aħna l-poplu t’Alla għax nagħrfu lilna nfusna bħala kkonsagrati minnu.

Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, il-President tal-Moviment ta’ Kana, Dr Arthur Galea Salomone, iddeskriva lill-fundatur bħala vulkan ta’ ideat u enerġija.
Galea Solomone semma kif Mons Vella kien għalih ukoll ħabib, minkejja d-differenza fl-età, minħabba l-fatt li dejjem baqa’ attiv fis-soċjetà, u kien jirnexxielu jantiċipa ż-żminijiet u t-temi soċjali qabel ma jibdew jiġu diskussi.
Ritratti u filmat: Ian Noel Pace