​Filmat: Il-kok Malti li mill-ITS issa għar-ristorant li jrid madwar id-dinja

Il-kok Martin Carabott li beda l-istudji tiegħu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) rebaħ il-kompetizzjoni Roux Scholarship 2018 u bħala premju issa jista’ jaħdem għal tliet xhur f’ristorant bi tliet stilel Michelin tal-għażla tiegħu.
Martin Carabott qal ma’ Newsbook.com.mt li ġie magħżul għall-kompetizzjoni wara li ssottometta ritratt ta’ riċetta partikolari. B’kollox intgħażlu 18-il semi-finalista. Dawn il-parteċipanti mbagħad kellhom isajru għal erba’ min-nies u kellhom joħolqu deżerta mill-ingredjenti tal-mystery basket f’sagħtejn u nofs. Sitt finalisti mbagħad spiċċaw fil-finali li saret fis-26 ta' Marzu.
Carabott, li kien finalista f’din il-kompetizzjoni fl-2016 u fl-2017, qal li ħafna drabi r-riċetta li jkollhom isajru fil-finali tkun waħda klassika li tirrekjedi ħila kbira min-naħa tal-koki.
Carabott qal li r-riċetta li kellu jsajjar fil-finali kellha l-ħamiema selvaġġa bħala l-ingredjent prinċipali. Qal li kellu bżonn 20 minuta biex inaddaf il-ħamiem u mbagħad kellu bżonn kwarta fuq kull waħda biex jippreparhom.
Carabott spjega li kellu kok ieħor miegħu li għadu qed jitgħallem (commis chef) biex jgħinu waqt il-finali.
Carabott qal li hu beda jitgħallem f’Malta fl-ITS. Qal li mbagħad beda jaħdem fil-lukanda Hilton f’Malta. Minn hemm mar jaħdem fl-Iskozja u f’Londra. Issa se jkun qed jaħdem f’ristorant, Hide, li se jkun qed jiftaħ ġimgħatejn oħra.
Fi kliem Carabott, għad hawn min japprezza l-ikel fin. Spjega li biċċiet tal-laħam li qabel kienu jittieklu meta kien ikun hemm il-faqar, illum il-ġurnata qed jiġu apprezzati għat-togħma tagħhom.
Ritratt: Roux Scholarship 2018