Filmat: “Il-Knisja mhux se tgħid lill-Prim Ministru x’għandu jagħmel”

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li l-Knisja mhux se tkun qed tgħid lill-Prim Ministru x’għandu jagħmel. Dan hekk kif l-irwol tal-Knisja huwa li tindika l-prinċipji.

Dan qalu waqt li kien qed jiġi intervistat live minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt, fejn fost is-suġġetti diskussi tkellem dwar l-ewwel laqgħa tiegħu mal-Prim Ministru l-ġdid, Robert Abela.

L-Arċisqof sostna li l-Knisja tissieħeb mal-Istat f’dak kollu li jikkontribwixxu għall-ġid komuni, b’mod speċjali fejn hemm il-persuni li l-iktar għandhom bżonn.

Irrakkonta kif l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Abela kien propju f’jum il-Milied. Huma ltaqaw fil-Kurja stess fejn kienet qed issir l-ikla tal-Milied tal-Caritas Malta. Abela kien qed iżur lill-mistednin flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ, fi żmien il-kampanja għat-tmexxija.

Spjega mbagħad li wara li ġie maħtur Prim Ministru, Abela talab lill-Arċisqof sabiex jiltaqaw fid-Dar tal-Kleru. Kien pass li l-Arċisqof ammira ħafna u sostna li juri l-umanità f’Abela. Sostna li ltaqgħu f’ambjent li huwa xhieda tal-karità tal-Knisja.

L-Arċisqof qal li waqt din il-laqgħa tkellmu dwar dak li jistgħu jagħmlu flimkien. Spejga li hemm ħafna proġetti li qed isiru bejn il-Knisja u l-Istat. Hu sostna wkoll li japprezza l-fatt li Abela se jassigura li jipproteġi lit-tarbija fil-ġuf u jinsisti ċar u tond li huwa kontra l-abort.

“Huwa dover ta’ kulħadd li l-leader il-ġdid ta’ pajjiżna nagħtuh is-sapport u s-sostenn u ċ-ċans li jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex lill-poplu jagħtih sinjali konkreti ta’ tama,” insista l-Arċisqof. Irrimarka li l-PM jaf x’għandu jsir għax huwa “bniedem intelliġenti, mimli enerġija, u għandu l-kapaċità jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu.”