Filmat: Il-kliem u l-mużika se jiżżewġu għada fit-Teatru Rjal

Għada filgħaxija, it-Teatru Rjal se joffri esperjenza mhux tas-soltu, fejn il-karattri tal-ħrejjef tal-kanzunetti u tat-taqbiliet se joħorġu mill-kotba, biex jagħtu lejla mill-isbaħ ta' kant, mużika, poeżija u logħob bil-kliem.
Matul il-kunċert Kelma Kelma, Nota Nota, il-kliem u l-mużika se jintisġu flimkien f'kompożizzjoni komika waħda. Il-lejla se tinkludi wkoll xi makkjetti ta' Charles Clews, li huma bħal rakkonti umoristiċi li fl-isfond ikollhom mużika ħafifa. Il-makkjettist kważi jitkellem, imma fl-istess ħin iżomm ir-ritmu mal-mużika li takkumpanjah.
Barra minn hekk l-Aħwa Bezzina se jkantaw uħud mill-kanzunetti li kien jikteb nannuhom, Gaetano Kanta, li kellu pinna ħafifa u l-Malti kien jaf iħaddmu tajjeb ħafna.  Dan minkejja li fi żmienu l-Malti kien meqjus bħala lingwa ħarxa wisq għall-kanzunetti. L-Aħwa Bezzina se jkunu qed jinterpretaw dawn il-kanzunetti bl-arranġament tal-Big Band Brothers.
Dawk kollha li se jattendu huma mħeġġa biex ma jinsewx jieħdu l-mowbajl jew it-tablet magħhom.  Il-kunċert se jibda fid-9 ta’ filgħaxija u huwa parti mill-Malta Arts Festival.
Wieħed jista’ jaqta’ l-biljetti hawn.
Filmat: Reel8 Productions Ltd.