Filmat: ‘Il-klieb tad-Dwana jafu jfittxu droga, tabakk, u flus’

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti qal li l-klieb li jintużaw mid-Dipartiment tad-Dwana jistgħu jiġu mgħallma jfittxu għad-droga, tabakk, u flus. Però, kull kelb jista’ jitgħallem ifittex għal tnejn minn dawn it-tliet prodotti li jkollhom irwejjaħ differenti.

Chetcuti qal dan fuq il-programm Follow Up fuq RTK103 FM. Hu kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg. Chetcuti spjega kif id-Dipartiment juża l-klieb u li dawn mhux neċessarjament ikunu ġejjin minn pajjiżi barranin.

Chetucti beda billi spjega li l-klieb għandom sens ta’ xamm ħafna aħjar minn dak tal-bniedem. Il-klieb jistgħu jiġu mgħallma jidentifikaw ċertu sustanzi mill-irwejjaħ tagħhom. Chetcuti qal li meta kelb jidentifika riħa partikolari, jinnotifika lil sidu b’dak li jkun sab. Talli jagħmel xogħlu, jingħata ġugarell biex jilgħab bih. Il-kelb jorbot l-identifikazzjoni u n-notifika mal-logħob.

X’jistgħu jxommu l-klieb?

Fi kliem Chetcuti, wieħed jista’ jgħallem kelb jidentifika liema kimika jrid. Qal li hemm klieb mgħallmin ixommu t-tabakk, oħrajn id-droga, u hemm klieb li kapaċi jsibu l-flus.

Fil-kartiera kulħadd ikollu xi ħaġa tal-flus però dawn l-ammonti żgħar mhumiex ta’ interess għall-uffiċjali tad-dwana u lanqas għall-kelb. Dan għaliex ma jirċevix il-ġugarell jekk isib biss ammont żgħir ta’ flus. Mill-banda l-oħra, jekk l-ammont ta’ flus ikun wieħed sostanzjali, il-kelb jista’ jlesti ruħu għal-logħob.

Chetcuti qal li kelb jista’ jiġi mgħallem ifittex żewġ komoditajiet differenti fl-istess ħin. Spjega li hemm klieb li per eżempju jxommu t-tabakk u d-droga u oħrajn t-tabakk u l-flus.

Il-klieb mhux neċessarjament iridu jinxtraw minn barra. Qal li klieb lokali wkoll ikunu tajbin għal dan it-tip ta’ xogħol ladarba jiġu mgħallma minn età żgħira.

Waqt l-istess programm, id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti żvela metodu li jużaw it-traffikanti tad-droga biex jgħaddu d-droga mill-ajruport. Il-metodu jinvolvi l-użu ta’ żewġ persuni differenti.

Chetcuti kkonferma li l-metodu jinvolvi persuna li jkollha kwantità żgħira tad-droga fuqha u persuna oħra b’kwantità ferm akbar. It-traffikanti stess jixfku lill-persuna bi ftit droga mal-awtoritajiet biex imbagħad il-persuna l-oħra li tkun qed iġġorr l-akbar ammont ta’ droga tiżgiċċa.

Chetcuti stqarr ukoll li f’jum wieħed id-Dwana qabdet tliet kontejners bid-droga. Spjega li fl-istess jum kien hemm moviment ta’ 50,000 kontejner, imniżżla u mtella’ fuq il-bastimenti.

Tista’ tara l-intervista sħiħa minn hawn.