Filmat: “Il-kittieba għandhom jitħallsu b’mod ġust ta’ xogħolhom” – Camilleri

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jorganizza l-ewwel Kungress Nazzjonali tal-Kittieba bil-ħsieb li jlaqqa’ lill-kittieba kollha f’Malta sabiex dawn jidentifikaw in-nuqqasijiet fid-drittijiet li jgawdu l-kittieba, fosthom id-dritt li jitħallsu b’mod ġust ta’ xogħolhom.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, iċ-Chairman tal-Kunsill, Mark Camilleri, qal illi dan il-Kungress ġie wara diskussjonijiet u laqgħat ta’ konsultazzjoni li l-Kunsill kellu mal-awturi u mal-pubblikaturi din is-sena. Spjega li dan hu l-ewwel pass għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Diġitali. Permezz ta’ dawn il-laqgħat, ħareġ l-Abbozz tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba.

Iċ-Chairman qal li l-industrija tal-ktieb f’Malta għadha fl-infanzja tagħha, peress li ma kinitx regolata sakemm il-Kunsill beda l-ħidma tiegħu biex jirregolaha. Minħabba f’hekk, qal li ċerti kittieba jeżitaw qabel jinkitbu għal dan il-Kungress, iżda huwa sodisfatt bir-rispons s’issa, peress li nkitbu madwar 50 kittieb f’temp ta’ ġimgħa. Spjega li l-industrija f’Malta dejjem kienet xi ftit passi lura milli f’barra, pereżempju kwistjonijiet ta’ ċensura tqajmu riċentament, mentri f’pajjiżi oħra kienu ilhom li ġew diskussi.

Camilleri qal li ċerti awturi jgawdu iżjed drittijiet minn oħrajn, u l-għan ta’ dan il-Kungress huwa li d-drittijiet ikunu ekwi għal kulħadd. Stqarr li filwaqt li f’pajjiżi Ewropej hija n-norma li l-kittieba jingħaqdu b’mod kollettiv u jirrikonoxxu d-drittijiet tagħhom, f’Malta qatt ma kienet teżisti dik il-kultura. Qal li tkun xi ħaġa sabiħa li kieku dan il-Kungress jibda jsir ta’ kull sena sabiex il-kittieba verament ikunu rappreżentanti b’mod unit.

Il-kittieba li jirreġistraw għandhom id-dritt li jippreżentaw mozzjonijiet lill-Kungress. Dan jista’ jsir sa tlitt ijiem qabel il-Kungress, jiġifieri sal-Erbgħa 11 ta’ Settembru.

Aktar tagħrif hawn.

“Il-Ministeru ffriża l-flus tal-Kunsill” – Iċ-Chairman

Intant, ilbieraħ Mark Camilleri esprima l-għadab tiegħu fuq Facebook lejn l-aġir tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, billi allega li l-Ministeru ffriża l-flus tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb peress li l-Ministru Evarist Bartolo ma jaqbilx li l-Kunsill għandha tiżdiedlu l-awtonomija.

Aqra: Il-Ministru Bartolo ffriża l-flus tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – Iċ-Chairman

Filmat: Miguela Xuereb