Filmat: Il-Karmelitani jiċċelebraw il-Milied fil-Katidral tal-Anglikani

Għadd kbir ta' nies inġabru fil-Pro Katidral ta' San Pawl fil-Belt Valletta biex jiċċelebaw il-Quddiesa ta' Nofsilejl mal-komunità tal-Patrijiet Karmelitani tal-Belt Valletta.
Il-komunità Anglikana Maltija offriet il-Pro Katidral lill-komunità Karmelitana biex tkun tista' tiċċelebra l-Quddiesa ta' nofsilejl, hekk kif bħalissa s-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu jinsab magħluq minħabba x-xogħol fuq il-paviment tal-irħam.
Ħafna kellhom kliem ta' tifħir għal din l-inizjattiva u kienu ħafna dawk li ngħaqdu mal-Karmelitani Beltin għal din iċ-ċelebrazzjoni storika.
Waqt il-Quddiesa sar talb għall-għaqda fost l-Insara u l-Pirjol ta' din il-komunità Karmelitana, Patri Alex Scerri O.Carm, ħabbar li l-ġabra li saret waqt il-Quddiesa kellha tmur għar-restawr ta' dan il-Katidral Anglikan.
Il-Kanċillier Anglikan, il-Kanonku Simon Godfrey, ingħaqad mal-komunità Karmelitana lejn tmiem iċ-ċelebrazzjoni, wara li mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-Milied mal-komunità Anglikana f'Tas-Sliema. 
Fil-bieb tal-Katidral huwa sellem lil kull min attenda għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Mhux l-ewwel darba li ż-żewġ komunitajiet ingħaqdu flimkien f'talba ekumenika. Il-Kanċillier Anglikan jattendi għal numru ta' ċelebrazzjonijiet li jsiru fis-Santwarju tal-Karmnu u kien hemm drabi fejn anke t-tranżlazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu bdiet mill-istess Pro Katidral.