Filmat: Il-Kardinal Grech kien qarar lill-Papa Pawlu VI – L-Isqof Awżiljarju

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi rrakkonta waħda mill-istejjer tal-Kardinal Malti Prospero Grech, partikolarment il-qrara li kien għamel lill-Papa Pawlu VI ftit qabel ma dan inħatar bħala Papa.

L-Isqof kien qed jiġi intervistat minn George Cassar fuq 103 Malta’s Heart propju fil-bidu tas-sena l-ġdida u wara li tħabbret il-mewt tal-Kardinal Grech. L-Isqof Galea-Curmi ddeskrivih bħala bniedem ta’ għerf u umiltà li ta’ kontribut kbir lill-knisja universali u unur għall-Knisja Maltija.

Irrakkonta kif darba kien qara intervista li għamel kważi tmien snin ilu fir-revista Taljana 30 Giorni. Hu kien ġie mistoqsi fost l-oħrajn dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-papiet differenti. Hu rrakkonta kif fiż-żmien li għamel jaħdem fil-Vatikan kien iltaqa’ mal-Papa Pawlu VI. Kien fiż-żmien li miet Papa Ġwanni XXIII u kien se jitlaqqa’ l-Konklavi li minnu kien se jġi elett il-Papa li jmiss. Hu rrakkonta kif darba minhom, il-Kardinal Montini, hekk kif kien jissejjaħ Papa Pawlu VI qabel ma laħaq Papa, staqsieh jekk kienx hemm konfessur tal-konklavi għax xtaq iqerr. Ftit wara talbu sabiex iqerr għandu minflok. B’hekk, il-Kardinal Montini qerr għan il-Kardinal Grech, ftit tas-sigħat qabel ma dan laħaq Papa. Hu kien kompla billi ċċajta u qal “nispera li ma tajtux penitenza ħarxa wisq”.

L-Isqof Galea-Curmi spjega kif riċentament il-Papa Franġisku fakkar lill-Kardinal Grech u qal li hu kien bniedem li kapaċi jfiehem affarijiet ta’ għerf kbir, fi kliem sempliċi sabiex in-nies jifmuh.

Irrimarka li għandna nkunu kburin bis-sehem kbir li l-Kardinal Grech ta għall-ġid tal-knisja u anki tal-poplu kollu. Qal li ftit qabel ma ġie kkonsagrat Isqof, kien iltaqa’ mal-Kardinal Grech meta mar Ruma. Qal li kien għamillu kuraġġ kbir u b’hekk il-Knsija Maltija hija grata ħafna għax-xogħol tiegħu.

Il-Kardinal Grech twieled fl-24 ta’ Diċembru tal-1925, kien jifforma parti mill-Ordni Agostinjana u kien wieħed mill-fundaturi tal-Istitut Patristiku Agostinjan f’Ruma. Il-kardinal miet fit-30 ta’ Diċembru.

Kien l-Istituto Patristico Augustinianum ta’ Ruma li ħabbar fuq il-mezzi soċjali l-aħbar li kien miet il-Kardinal Grech li kien ewwel President tal-Istitut. Fi Frar ta’ 8 snin ilu, il-Papa Emeritu Benedittu XVI kien ħatru bħala t-tieni kardinal Malti.