Filmat: Il-Kapuċċini jippreżentaw ir-rigal tal-Milied tiegħek

L-Aħwa Minuri Kapuċċini għamlu filmat bil-kanzunetta Caro Gesù Bambino (Għażiż Ġesù Tarbija) biex jibgħatu l-awgurju tagħhom għall-Milied u s-Sena Ġdida lin-nies.

Fi stqarrija, il-Kapuċċini qalu li l-kanzunetta jkantaha Br Roderick White OFMCap. Id-daqq tal-pjanu u l-backing vocals huma ta’ Analise Mifsud. Id-daqq tal-vjolin huwa ta’ Br Mark Scicluna OFMCap. Id-daqq tal-perkussjonijiet huma ta’ Analise Mifsud u Mirko Galea. L-arranġament u l-produzzjoni tal-kanzunetta ħa ħsiebu Mirko Galea.

Il-Kapuċċini qalu li Caro Gesù Bambino hija kanzunetta tal-Milied li oriġinarjament kienet inkitbet għaż-Zecchino d’Oro tal-1960 – it-tieni edizzjoni taż-Zecchino d’Oro. Il-verżjoni tagħhom tibda bil-lirika Taljana. Inżamm il-kliem oriġinali ta’ talba sempliċi ta’ tfajjel ċkejken, minn familja fqira, li innoċentament qiegħed jistieden lil Ġesù sabiex iħalli s-sema mqar għal darba biss u jinżel ħdejh sabiex jilgħab miegħu u jieħdu gost flimkien.

Il-kanzunetta imbagħad taqleb għal-lirika Maltija – fejn tinbidel ankè l-perspettiva. Din id-darba hemm talba minn adult li qiegħed jitlob lil Ġesù tarbija jisma’ l-karba u t-talba li hu qiegħed jagħmel mill-qalb, sabiex jiġi mill-ġdid fid-dinja u jġib miegħu ġid u hena, sliem u paċi, għax mingħajr il-preżenza ta’ Ġesù fid-dinja dawn spiċċaw.

“J’Alla kull wieħed minna, meta jisma’ din il-kanzunetta jew jara l-filmat tagħna, jerġa’ jiskopri t-tifel ta’ ġo fih, filwaqt li jersaq quddiem Ġesù tarbija b’qalb mimlija entużjażmu li hi kapaċi wkoll tistgħaġeb għall-opri ta’ Alla,” qalu l-Kapuċċini.

Filmat: Aħwa Minuri Kapuċċini