Filmat: Il-Kaptan tat-Talia jokrob biex Malta tgħin lin-nies li salva

Read in English.

Il-Kaptan tal-bastiment Talia li salva 52 persuna mill-baħar spiċċa jokrob lil Malta biex tgħin lil dawk abbord.

Fil-filmat li Newsbook.com.mt akkwista mill-għaqda Alarm Phone l-Kaptan jinstema’ jitlob bil-ħniena lill-awtoritajiet Maltin biex jgħinu lil dawn in-nies. B’qalbu maqtugħa qal li mhux qed jingħata għajnuna u li ma jistgħux jibqgħu f’din is-sitwazzjoni.

Il-Kaptan appella lil Malta biex iddaħħal il-52 persuna li salva mill-baħar hekk kif l-ikel u l-ilma spiċċaw u li hemm ħafna minn dawk abbord li qed isofru minn problemi tas-saħħa.

Il-Kaptan spjega li meta kien qed ibaħħar irċieva struzzjonijiet biex isalva l-immigranti. Qal li salvawhom kollha f’madwar ħames sigħat. Meta l-immigranti telgħu abbord tawhom ikel u ilma. Wara marru lejn Lampedusa imma ma tħallewx jidħlu. Iċ-ċentru tas-salvataġġ Malti qalilhom imorru lejn Malta imma meta waslu ma tħallewx jidħlu lanqas. Kien hemm il-maltemp u l-immigranti spiċċaw kellhom jistkennu f’post riżervat għall-annimali. Il-kaptan spejga li dan il-post mhux adegwat biex joqgħodu fih in-nies u li huwa maħmuġ ħafna minħabba li qabel kien hemm l-annimali fih.

L-għaqda Alarm Phone diġà qalet li l-gvern Malti għandu jieqaf jilgħab mal-ħajjiet ta’ dawn il-persuni billi ma jonorax jew idum biex jonora l-obbligi marittimi tiegħu.

Il-Gvern ta’ Robert Abela ħabbar li ntefqu €1.7 miljun għaż-żamma tal-immigranti fuq 4 bastimenti f’każ reċenti li qanqal kritika internazzjonali kontra d-deċiżjonijiet li ħa f’dak il-każ.