Filmat: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jirringrazzja lill-pulizija ta’ xogħolhom fil-pandemija

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum żar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana fejn sellem lill-membri kollha tal-Korp li huma fost il-ħaddiema li jinsabu minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

Adrian Delia qal li fil-preżent, Malta tinsab f’salib it-toroq fir-rigward tal-governanza tajba u l-Korp tal-Pulizija għandu rwol fundamentali kontra l-impunità. Sostna li Malta teħtieġ Korp tal-Pulizija li jitmexxa minn persuna li tiġi approvata b’żewġ terzi tal-Parlament, filwaqt li l-membri għandhom bżonn iżjed riżorsi u l-aqwa kundizzjonijiet.

Akkumpanjat mill-Aġent Kummissarju Carmelo Magri, Dr Delia żar il-control room tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, is-Sezzjoni ta’ Kontra d-Droga, tal-Frodi, kif ukoll it-taqsima tas-cyber crime. Matul din iż-żjara l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn