Filmat: Il-kanzunetti ta’ Dolly Parton jinħadmu f’serje televiżiva

Uħud mill-kanzunetti l-aktar popolari ta’ Dolly Parton se jkunu qed jieħdu l-ħajja permezz ta’ serje ġdida li Netflix se jkun qed jintroduċi mill-Ġimgħa 22 ta’ Novembru.

“Sa minn mindu ilni nkanta, dejjem xtaqt li naddatta l-kanzunetti tiegħu f’xi film jew f’xi sensiela,” ikkummentat Parton, li diġà kienet ħarġet ukoll il-film televiżiv Coat of Many Colours.

Issa f’din is-sensiela ġdida se tkun qed twassal l-istejjer wara l-kanzunetti Two Doors Down, If I Had Wings, J.J. Sneed, These Old Bones, Down From Dover, Sugar Hill, Cracker Jack u Jolene.

Kull episodju se jkun qed jiffoka fuq kanzunetta partikolari.

Is-sensiela għandha ko-produzzjoni bejn il-kumpanija ta’ Parton, Dixie Pixie Productions, u l-Warner Bros. Televoision.

Fost l-atturi li se jkunu qed jidhru f’din is-sensiela hemm Julianne Hough (Safe Haven, Burlesque), Ginnifer Goodwin, Kathleen Turner, Sarah Shahi, Delta Burke u Kimberly Williams-Paisley.

Is-sensiela se jkun jisimha Heartstrings u jekk tintlaqa’ tajjeb mhux eskluża l-possibilitá li jkollha staġun ieħor.

Barra dan il-proġett, Parton għandha żewġ proġetti oħra li se jintwerew dalwaqt fuq it-televiżjoni Amerikana, Dolly Parton: 50 Years at the Opry, li se jixxandar għall-ewwel darba fl-Istati Uniti nhar is-26 ta’ Novembru filwaqt li fit-8 ta’ Diċembru l-istazzjon Hallmark se jkun qed ixandar għall-ewwel darba l-film televiżiv Christmas at Dollywood.