Filmat: Il-kaċċaturi jilmentaw fuq l-iskart li jitħalla fil-Miżieb u l-Aħrax

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti lmentat fuq l-iskart li jitħalla fir-riżervi tal-Miżieb u l-Aħrax, partikolarment fi tmiem il-ġimgħa.

Membru tal-FKNK ġibed filmat fil-Miżieb tal-iskart li tħalla min-nies li marru jikkampjaw jew jagħmlu l-pikniks hemmhekk. L-FKNK qalet li hi tiffaċċja din is-sitwazzjoni ta’ kull ġimgħa.

Dan qalitu ftit ġimgħat wara li nqalgħet kontroversja peress li l-Gvern iffirma ftehim mal-FKNK biex jagħtih dawn ir-riżervi. Il-ftehim sar fil-magħluq u l-midja ma kinitx mistiedna. Dan l-aġir tal-Gvern qala’ ħafna kritika minħabba l-fatt li dawn ir-riżervi huma l-akbar spazju miftuħ li kien għadu liberu f’Malta. Ħafna oġġezzjonaw li b’dan il-mod, l-ispazji mhux se jibqgħu tal-pubbliku.

Il-ġimgħa li għaddiet saret protesta quddiem Kastilja mill-koalizzjoni bl-isem ta’ Spazji Miftuħa, magħmula minn madwar 60 NGO favur l-ambjent.

Fi stqarrija dalgħodu, l-FKNK qalet li l-pubbliku għad għandu aċċess liberu għal dawn il-postijiet, “kif dejjem kellu għal dawn l-aħħar 34 sena.”

Mistoqsi fuq dan il-ftehim, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg iddefendieh u qal li dan il-ftehim ilu li sar mit-tmeninijiet peress li n-nassaba u l-kaċċaturi ilhom iħarsu l-Miżieb u l-Aħrax minn dak iż-żmien, iżda issa ġie formalizzat.  

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li jifhem ir-rabja li qed iħossu n-nies fuq il-ftehim mal-FKNK fuq l-għoti tal-art tal-Miżieb u l-Aħrax, iżda huwa kommess li jkun hawn aktar żoni pubbliċi f’Malta. Il-Ministru stqarr li fil-politika wieħed ma jistax jikkuntenta lil kulħadd.

Il-Kunsillier Mellieħi Gabriel Micallef ukoll kien ġibed l-attenzjoni għall-ammont ta’ skart li jintrema fl-Aħrax tal-Mellieħa ftit tal-jiem ilu.

Shameful photos taken at Aħrax woodlands showing disgusting piles of waste dumped by fly-tippers. We’re wasting money on…

Posted by Gabriel Micallef on Friday, October 30, 2020

L-FKNK qalet ukoll li l-kaċċaturi u n-nassaba ċertament ma jridux li jispiċċaw l-ispazji miftuħin, u għalhekk, lesti jaħdmu spalla ma’ spalla mal-koalizzjoni Spazji Miftuħa għal dan, jekk dawn mhumiex jippruvaw jaqdu l-aġenda tagħhom.
 
Fl-istqarria temmew jgħidu li, “Jekk min jitkellem u jipprotesta dwar l-ispazji miftuħa ma jġibx rispett lejn il-kaċċatur u n-nassab, tal-anqas għandu jġib rispett lejn il-kampanja Maltija.”

Filmat: FKNK