Filmat: Il-jum li fih miet ibni niftakru sekonda b’sekonda – Tony Vella

Tony Vella jiftakar sekonda b’sekonda l-jum li fih miet ibnu Oswaldo kawża ta’ inċident bil-karozza fl-2005. Hu qal dan f’kollegament waqt il-programm Andrew Azzopardi on 103 fejn fost l-oħrajn tkellmu dwar ir-realtà li ngħaddu minna lkoll: il-mewt.

Oswald Emanuel Vella kellu biss 18-il sena meta miet f’inċident ta’ traffiku flimkien ma’ ħames żgħażagħ oħra ftit wara li kienet għada kemm infetħet triq ġdida li tgħaqqad ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ. David Sacco ta’ 13-il sena, Fabrio Magro ta’ 16-il sena, Marco Abdilla ta’ 17-il sena u Christian Camilleri kienu l-erba’ żgħażagħ l-oħrajn li tilfu ħajjithom fl-istess inċident. Żewġ passiġġiera oħra u s-sewwieq tal-karozza sofrew xi ġrieħi.

Hu u jitkellem ma’ Prof. Azzopardi, Vella qal li kull moment li kellhom ma’ Oswaldo, minn meta twieled sakemm miet baqa’ f’moħħom. Spjega li huwa kien wieħed mill-ewwel ulied tiegħu u ta’ martu. Qal li meta jgħaddi minn quddie fejn kien jieħu lil ibnu għall-privat jiftakar fih. Jiftakar fid-daħk li kienu jidħku u ċ-ċajt li kienu jgħidu, u anke l-argumenti li kien ikollhom.

“Meta mort fil-kamra mortwarja u rajt lill-ħamest itfal kollha hemmhekk ixxukkjajt ruħi. Bdejt nibki u nitlob ‘l Alla,” kompla jgħid hu.

Dwar dakinhar tal-inċident, Vella qal li jiftakar il-jum sekonda b’sekonda. Spjega li dakinhar Oswaldo kien qed jgħin lil missieru fil-maħżen, billi jagħmel xi kaxxi. Fihom kien sab souvenir ta’ jum l-omm u kien għaddieh mill-ewwel lil ommu. Hi staqsietu kif ma ħelliehx għal jum l-omm, u Vella rrimarka li bħal donnu xi ħadd ried li dan ir-rigal ċkejken jgħaddihulha dakinhar.