Filmat: Il-ħolm tat-tfal għall-Milied jiġi mwettaq kollu

Elfejn tifel u tifla li ma kienux se jaqilgħu rigali fil-Milied minħabba raġunijiet varji, twettqilhom il-ħolm tagħhom hekk kif il-kampanja Children’s Dreams ġabret ir-r-rigali kollha pprovduti mill-pubbliku.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li wasslet is-sitt edizzjoni ta’ din il-kampanja fi tmiemha, Remenda Grech minn Aġenzija Appoġġ qalet ma’ Newsbook.com.mt li t-tfal li ġew magħżula għal din il-kampanja huma tfal assistiti mill-Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Sedqa u s-servizzi fil-komunitajiet.

Spjegat kif propju f’Ottubru li għadda tellgħu l-ħolm ta’ dawn it-tfal fuq il-websajt tagħhom fejn il-pubbliku seta’ jagħżel liema ħolm kien se jwettaq, imbagħad jixtri r-rigal u jieħdu ġewwa Ħal Farruġ.

Miguela Xuereb

Fi stqarrija ġie spjegat li r-rigali li nġabru jammontaw għal €150,000, bir-rigali jvarjaw minn ħwejjeġ sa anke apparat elettroniku.

Il-kampanja Children’s Dreams tiġi organizzata kull sena mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FWSW), bil-għan li tferraħ tfal li għal xi raġuni jkunu mċaħħda minn affarijiet materjali.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li din il-kampanja hija turija ċara tal-ġenerożità tal-poplu Malti. Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti faħħar il-ħaddiema kollha tal-FSWS għall-impenn u d-dedikazzjoni li juru matul is-sena kollha, speċjalment fil-ħidma tagħhom ma’ dawk l-iktar vulnerabbli.

Erġa’ ferraħ tfal fi djar residenzjali b’rigal dan il-Milied