Filmat: Il-ħmieġ “tal-fish farms” jerġa’ jitfaċċa

Residenti ta’ San Pawl il-Baħar u oħrajn li jiffrekwentaw il-bajjiet f’din il-lokalità, esprimew mill-ġdid it-tħassib tagħhom, dwar dak li sejħu “ħmieġ tal-fish farms li qed jidħol fix-xatt”.
“Spettaklu ta’ dieqa”
L-Arċisqof Charles Scicluna, illum waranofsinhar tella’ filmat fuq Twitter, li juri ammont sostanzjali ta’ ħmieġ f’żona tal-għawm f’San Pawl il-Baħar.
Huwa ddeskriva x-xena li ra quddiemu bħala “spettaklu ta’ dieqa’. Jistaqsi wkoll “x’qed nagħmlu lill-ibħra tagħna”.
“Sustanza stramba bdiet teħel miegħi”
Barra minn hekk, qarrejja ta’ Newsbook.com.mt, li xtaqet tibqa’ anonima, spjegat kif illum, wara ftit li niżlet tgħum, indunat li bdiet teħel magħha “xi sustanza stramba” madwar ġisimha kollu.  Spjegat li l-likwidu iswed tant kien potenti li kellha ddum tingħorok għal ħin konsiderevoli.
Il-mara qalet li din is-sustanza fakkrtiha fi ħmieġ simili li fi kliemha għarraq il-baħar madwar sena ilu.
Dakinhar kien irriżulta li dan il-ħmieġ kien ikkaġunat mill-irziezet tal-ħut. Proprjament, f’Awwissu tas-sena li għaddiet, l-irziezet tal-ħut kienu fiċ-ċentru tal-kontroversja, wara li tniġġis mill-għalf beda dieħel fil-bajjiet madwar Malta.
Dan kien wassal biex l-Awtorità tal-Ippjanar, ħarġet ordni ta’ infurzar urġenti għal erba’ sidien ta’ fish farms, li ma kinux konformi mal-permessi.
Newsbook.com.mt kien żvela li tlieta mill-operaturi kienu qed jokkupaw aktar mid-doppju taż-żona li kellhom permess għaliha.