Filmat: Il-ħidma tar-Red Cross fi żmien il-pandemija

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima żar is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar li ilha mill-bidu li meta faqqgħet il-pandemija tipprepara għal dak li jista’ jinqala’ f’Malta. Huwa għamel dan f’Jum ir-Rikonoxximent tal-Voluntiera.

Is-Soċjetà kienet f’kuntatti kontinwi ma’ soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar ta’ pajjiżi oħra biex tara kif tista’ tkun ta’ għajnuna f’Malta.

Fost il-ħidma ewlenija ta’ din l-għaqda volontarja hija l-għajnuna li qed toffri mal-immigranti fiċ-ċentri miftuħin għar-residenti immigranti permezz ta’ kliniċi mediċi li jitmexxew mill-membri tagħha, mit-tobba u mill-infermiera. F’Ħal Far il-klinika jistgħu jsiru wkoll is-swabbing tests u jkun jista’ jilqa’ fih madwar 150 persuna miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

Fi stqarrija tal-Gvern, id-Direttur tal-Operazzjonijiet fi ħdan is-Soċjetà, Robert Brincau kien ikkwotat jispjega l-proċess ta’ taħriġ għall-voluntiera u għall-impjegati. Qal li sar investiment qawwi f’apparat ta’ protezzjoni għas-saħħa u għas-sigurtà kemm tal-voluntiera kif ukoll tal-impjegati għall-użu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Huwa qal li fost is-servizzi li s-Soċjetà bdiet toffri, kien hemm li jitwasslu bżonnijiet ta’ ikel u mediċina lil persuni vulnerabbli u lil dawk li ma jistgħux joħorġu mid-djar. Dan qed isir b’kollaborazzjoni ma’ diversi kunsilli lokali u ma’ entità privata ta’ karozzi tal-kiri li offriet diversi vetturi biex tista’ tintlaħaq id-domanda.

Is-Soċjetà tas-Saliba l-Aħmar qed toffri wkoll servizzi ta’ thermal screening f’azjendi kbar tal-ikel, entitajiet parastatali u f’oħrajn privati, kemm għall-klijenti kif ukoll għall-ħaddiema.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn