Filmat: Il-ħalliela tal-qsari għadha qed tistaħba

Għadha għaddejja t-tfittxija għall-mara li x-xahar li għadda nqabdet minn kameras tas-sigurtà tisraq numru ta’ qsari minn parapett ta’ dar f’Ħal Qormi.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li l-pulizija jafu min hi din il-mara u li kemm-il darba marru jħabbtulha d-dar tagħha fil-Ħamrun imma qatt ma sabuha.

Jirriżulta li fil-passat, nies oħra li jgħixu fit-triq ta' fejn saret is-serqa, ukoll innutaw li nsterqulhom il-qsari minn wara l-bieb.

Wara diversi tentattivi, il-pulizija ordnat li jinħareġ mandat għall-arrest, jiġifieri qed tkun imfittxija mill-pulizija. Jirriżulta li l-mara qed tistaħba mill-pulizija wara li l-filmat tal-kameras tpoġġa fuq YouTube u f’temp ta’ xahar rawh madwar 35,000 darba.

Is-serqa saret fi Triq Ġużé Cardona matul il-lejl tat-8 ta’ Awwissu li għadda meta s-sidien tad-dar kienu imsiefra. Fil-ħin tas-serqa, tidher ukoll karozza tal-pulizija li ma ndunatx bis-serqa li kienet qed issir.