Filmat: Il-ħajjata żagħżugħa li qed iżżomm lin-nanniet ħajjin

Simona Vella, li għandha biss 23 sena, għandha passjoni kbira għall-ħjata ta’ ħwejjeġ vintage, liema ispirazzjoni ġiet imnissla fiha min-nanniet tagħha, Gina u Rose, li t-tnejn li huma kienu ħajjata.

Intervistata minn Newsbook.com.mt, Simona spjegat li l-passjoni tagħha bdiet propju hi u tara l-films antiki u taffaxina ruħha bl-ilbies li kienu jilbsu.

Mill-MCAST għall-Gina Rose

Spjegat li x-xewqa li tilbes bħalhom kienet tant kbira li ddeċidiet li tibda tieħu l-lezzjonijiet tal-ħjata fl-MCAST, fejn bħalissa qed timmira sabiex tibda tispeċifika fis-sezzjoni tat-tessuti.

L-isem tad-ditta tagħha huwa propju Gina Rose, isem li ġie ispirat min-nanniet tagħha li minn età ċkejkna rawmuha fl-imħabba tat-tessuti. Sostniet li tixtieq tibqa’ żżommhom ħajjin permezz tal-ħjata.

Iddiżinjat ħwejjeġ għal film Amerikan

Simona qalet li tqatta’ ħafna minn ħinha tiddisinja ħwejjeġ għaliha personali iżda ħafna drabi wkoll għal persuni li jitolbuha tfassal idea tagħhom. Waħda mill-aktar esperjenzi memorabbli għal Simona tibqa’ meta kellha l-opportunità tiddisinja xi ħwejjeġ għall-film Amerikan 13 Hours.

Tirriċikla d-drapp

Meta mistoqsija dwar l-aktar tip ta’ materjal favorit tagħha, Simona sostniet li temmen li waħda mill-aħjar affarijiet li wieħed jista’ jagħmel hija li jirriċikla d-drapp. Spjegat li ġeneralment tixtri minn xi ħwienet tal-karità jew inkella mill-monti. Qalet li mhux l-ewwel darba li jkun hemm persuni li jmorru minn jheddhom jagħtuha xi pezza drapp antika li ma jkunux se jużaw.