Filmat: Il-ħajja raħlija Maltija f’serje ta’ drama ġdida għat-TV

Id-daħla ta' NOSTALĠIJA

filmati minn Nostalġija is-sensiela televiżivakitba u produzzjoni ta' Ronald Salibadirezzjoni ta' Charles Stroud

Posted by Nostalġija on Thursday, July 30, 2020

F’dan il-perjodu l-istazzjonijiet televiżivi jinsabu impenjati biex jagħlqu l-iskedi li se jkunu qed jippreżentaw bejn Ottubru u Ġunju li ġej u minn informazzjoni li waslet jidher li s-sensiela Notalġija b’kitba ta’ Ronald Saliba u direzzjoni ta’ Charles Stroud se tkun qed tixxandar fuq TVM

Din hi produzzjoni ta’ 35-il puntata li se tkun tinkludi s-sehem ta’ bosta atturi magħrufa bħal Ronald Saliba, Joe Farrugia d-Dulli, Narcy Calamatta, Ray Bone, Guido Fenech, Monica Attard, Simon Curmi, Carmel Gauci, Shelby Aquilina, Carmen Vella Fondacaro, Hermann Bonaci, Josephine Mahoney, Frida Cauchi, John Dimech, Joe Quattromani, Michela Galea, Sarah Camilleri, Noel Chircop, Joe Gatt, Michael Tabone, Ninette Micallef, u Mark Schembri fost ħafna aktar.

Charles Stroud li dderieġa uħud mill-aqwa sensiliet li xxandru fuq l-istazzjonijiet lokali kkummenta li “Meta qrajt l-script ta’ Nostalġija għall-ewwel darba kien biss biex nagħti l-opinjoni tiegħi. Kont iltqajt ma’ Ronald Saliba l-kittieb, f’kafeterrija fil-pjazza tal-Mosta u tkellimna fit-tul dwar id-drama televiżiva lokali u kif ukoll dwar ix-xogħol tiegħu: kitba naturali u sinċier, b’idjomi kważi minsija u lingwaġġ ta’ karattri raħħala sempliċi.”

Hu kompla jgħid li r-rakkont laqatu mill-ewwel għax ma kellux karattri tas-soltu li bħalhom naraw bil-gżuż illum.

“Meta gejt mitlub nidderieġi s-sensiela, kont sorpriż. Iddiriġejt drama televiżiva sitt snin ilu u meta erġajt bdejt nifli l-episodji rajt li dawn kienu nies ħajja, b’sentimenti u reazzjonijiet veri u sinċieri. Il-ħajja raħlija Maltija għandha ħafna x’toffri, teżor ta’ karattri u stejjer jbaqbqu b’ruħ f’kull bniedem, it-tajjeb u l-ħażin,” żied jgħid hu.

Charles Storud iddeskriva lill-protagonist b’dan il-mod: “Il-karattru ewlieni ta’ Dun Feliċ joħodna eqreb lejn il-ħallieq li b’korla jew imħabba nirreaġixxu b’mod naturali għall-avvenimenti li jostakolaw il-mixja ta’ kuljum. L-atturi magħżula għal din is-sensiela huma kollha b’snin ta’ esperjenza mhux biss fl-arti tar-reċtar iżda ukoll fil-ħajja nnifisha. Il-biċċa l-kbira veterani, imma veterani ukoll fil-hajja li għexu u tħabtu magħha.”

Dwar din is-sensiela, l-attur veteran Narcy Calamatta ikkummenta li “Meta bdejt naqra l-script ta’ Nostalġija, ħassejt li wasalt fejn ili snin biex nasal.  Il-kliem mirqum b’Malti raħħal iżda jiftiehem jikxef fi ftit idjomi il-kultura soċjali ta’ missierijietna.  F’żewġ battuti niftakru li s-saqqijiet kienu jkunu mimllijin suf tan-nagħaġ jew bit-tiben u din kienet tagħmel differenza f’kemm jitwieldu trabi. Ir-raġel li ta’ kuljum jitħabat jgħaqqad is-suf tas-saqqu kobba kobba f’gimagħtejn. Dak li jorqod fuq it-tiben jieqaf idakkar mat-tieled wild. Kelmtejn li joħorġu r-ruħ mhux ta’ raħħal wieħed iżda tar-raħal kollu. Inħeġġeġ lil min irid jikteb drama għat-television jagħrbel tajjeb kull kelma u kull idjoma li hemm fl-iscript ta’ Ronald Saliba.”

Shelby Aquilina li kienet iddebuttat fit-teatru fil-produzzjoni Ix-Xitan Kunjomu Malti u ħadmet ukoll fil-film għaċ-ċinema Ħabbilni Ħa Nirbaħ, ikkummentat li, “Huwa ta’ unur kbir għalija li nifforma parti minn cast mimli atturi veterani li dejjem kont nammira u crew tant professjonali. L-iskript profond u diversi ta’ Nostalġija qed jgħallimni ħafna, mhux biss fil-karriera tiegħi tar-reċtar iżda anke fil-ħajja personali.”

Id-data ta’ meta se tkun qed tixxandar din is-sensiela għandha titħabbar aktar ‘il quddiem.