Filmat: Il-ħaddiema tal-Wasteserv jitħarrġu fit-tifi tan-nar

Wasteserv, flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, organizzaw fire drill fl-impjant magħruf bħala l-Mechanical and Biological Treatment Plant fil-Faċilità Malta-North, sabiex dan iservi ta’ prova għat-tim ta’ emerġenza tal-Wasteserv. Balla ta’ Refuser Derived Fuel (RDF) ingħatat in-nar għal dan il-għan.

In-nar instab fil-pront u t-tim uża fixed water cannon mill-ewwel. Fil-frattemp, membri oħra mit-tim ta’ emerġenza ħarġu l-apparat meħtieġ għat-tifi tan-nar filwaqt li komplew jitfgħu l-ilma fuq il-balla sakemm din ġiet mitfija ftit tal-ħin wara u birdet. Dan sar sabiex jassigura li l-balla ma terġax tiehu n-nar jew tkun ta’ periklu għall-impjant tal-madwar jew materjali oħrajn.

Din id-drill damet madwar għaxar minuti. Stqarrija tal-Wasteserv tgħid li din id-drill tagħmel parti mill-pjan tal-Wasteserv sabiex tassigura li l-impjegati tagħha huma mħarrġin biżżejjed biex jiffaċċjaw emerġenza ta’ din ix-xorta. Drills oħra bħal dawn se jsiru tul il-ġimgħat li ġejjin.

L-istqarrija tispjega li dan sar peress li n-nar huwa riskju kontinwu fl-industrija tal-iskart, speċjalment minħabba l-mod imprevedibbli kif jista’ jġib ruħu l-iskart li jintrema. Dan jiddependi wkoll mill-mod kif il-pubbliku jarmi l-iskart domestiku tiegħu. Dawn ir-riskji jiżdiedu b’mod konsiderevoli b’rimi illegali ta’ materjal fl-iskart, bħal batteriji u flares skaduti.