Filmat: Il-Gvern sieket dwar kemm hawn każi tal-varjant tal-Covid-19

In-numru ta’ każijiet f’Malta li huma pożittivi għall-varjant tal-Covid-19 għadu mhux ippubblikat mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne wiegħed il-ġimgħa li għaddiet, li n-numru ta’ dawn il-każijiet se jkun magħruf fi tmiem il-ġimgħa (li għaddiet).

Fl-edizzjoni tal-programm Newsbook Q&A ppreżentat minn Fr Joe Borg, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-għadd ta’ nies pożittivi għall-varjant f’Malta se jkunu magħrufa fi tmiem il-ġimgħa.

Newsbook.com.mt bagħat il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministeru, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu għadhom ma ġewx imwieġba.

L-ewwel tliet każijiet tal-varjant tal-Covid-19 li nstab fir-Renju Unit, f’Malta tħabbru lejn l-aħħar ta’ Diċembru.

Dawn il-varjanti jiġu interċettati meta jsir genetic sequencing li permess tagħha x-xjentisti jkunu jistgħu jaraw il-mod li bih qiegħed jinbidel il-virus. B’dan il-metodu x-xjentisti jkunu jistgħu jiddeterinaw il-firxa ta’ dak il-varjant.

S’issa għadu ma ġiex ippruvat li l-varjant li oriġina mir-Renju Unit jista’ joqtol iktar persuni madankollu qiegħed jinfirex b’rata iktar mgħaġġla.

Meta mistoqsi dwar kemm instabu każijiet tal-varjant tar-Renju Unit f’Malta, Fearne spjega li każijiet pożittivi ta’ nies li ġejjin mir-Renju Unit qegħdin jiġu ċċekkjati għall-varjant. Żied li qed isiru testijiet fuq kampjuni oħra mill-komunità. Fearne qal li l-genetic sequencing jieħu iktar fit-tul minn testijiet tal-PCR.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li ż-żieda fil-każijiet pożittivi għall-coronavirus ma kinitx biss f’Malta. Huwa spjega li l-awtoritajiet tas-saħħa jinsabu f’ħidma biex jiddeterminaw il-fatturi taż-żieda f’dawn il-każijiet.