Filmat: Il-Gvern se jixtri l-każini tal-banda – Herrera

Il-Ministru għall-Arti qal li l-Gvern se jkun qed jixtri l-bini tal-każini tal-banda li mbagħad ikunu jistgħu jinkrew mill-għaqdiet differenti.

Il-Ministru José Herrera qal lil Newsbook.com.mt li biex wieħed imexxi każin tal-banda, entità piroteknika, jew każin ieħor li jgħin fil-festi wieħed ikollu bżonn ħafna flus. Fost l-ispejjeż li jinqalgħu hemm ix-xiri tal-istrumenti, l-ispejjeż tat-tagħlim tal-istudenti, u spejjeż biex wieħed jipparteċipa f’pajjiżi oħra.

Però Herrera qal li l-aktar kwistjoni importanti li tolqot lill-każini bħalissa hija dik tal-kirjiet. Spjega li l-liġi tal-kera kif inhi llum tista’ twassal biex każini jitilfu t-titlu tagħhom.

Herrera qal li qed isir eżerċizzju permezz ta’ tim ta’ periti, avukati, u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. “L-idea hi li gradwalment il-Gvern jixtri l-każini, isiru parti mill-assi tal-Gvern u mbagħad naturalment nikruhom b’ammont sussidjat lill-każini biex nipperpettwaw il-fatt illi f’Malta għandek il-każini tal-banda,” qal il-Ministru.

Illum il-Gvern nieda €470,000 f’fondi li għandhom l-għan li jsaħħu l-festi tradizzjonali Maltin.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Arti Josè Herrera qal li l-każini tal-baned huma essenzjali għall-festi Maltin u li għalhekk il-Gvern se jkun qed jgħinhom minn aspett finanzjarju.

Filmat: Christoph Schwaiger