Filmat: Il-Gvern se jagħti l-flus għall-Fondazzjoni Sebħ

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Knisja f’Dar Sagra Familja, dwar id-djar tat-tfal immexxijja mill-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-Gvern ħa jagħti ‘l fuq minn żewġ miljun ewro f’perjodu ta’ tliet snin, sabiex ikun ta’ għajnuna lejn din l-għaqda.

Il-ftehim ta’ finanzjament ikopri erbat idjar tal-Knisja fi ħdan il-Fondazzjoni Sebħ, li lkoll jagħtu servizz u sapport kbir lil tfal u adolexxenti li huma vittmi bla ħtija, bil-konsegwenza li jkollhom joħorġu minn ambjent diffiċli. Il-Knisja fi stqarrija qalet li l-ftehim se jkopri parti sostanzjali mill-ispiża annwali biex il-Fondazzjoni Sebħ toffri servizz ħolistiku lit-tfal.

Bħalissa hemm 41 tifel u tifla jgħixu fl-erbat idjar li għandha l-Fondazzjoni Sebħ. Dawn id-djar jagħtu assistenza u appoġġ lil tfal u adoloxxenti li għal xi raġuni jew oħra, ma jistgħux jgħixu mal-familji tagħhom. Hemm min joqgħod b’mod temporanju, filwaqt li oħrajn joqogħdu anke għal żmien itwal.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà, Michael Falzon qal li permezz ta’ dan il-ftehim, dawn it-tfal ikunu jistgħu jitilgħu f’ambjent ta’ trobbija ta’ familja normali.

Ma’ Newsbook.com.mt, id-Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ, Andrew Azzopardi wera l-apprezzament tiegħu lejn il-Gvern għaliex il-ftehim li seħħ illum se jmur biex ikopri parti mill-ispejjez, li bħala għaqda jkollhom biex imexxu dawn id-djar. L-istess ftehim jgħinhom ukoll biex jipprovdu servizz, li dejjem itejjeb il-kwalità u l-kura li jkollhom dawn it-tfal, sabiex jgħinhom jilħqu potenzjal f’ħajjithom.

Fi tmiem din il-ġimgħa se jidħol tibdil fid-drittijiet tat-tfal, permezz tal-pubblikazzjoni tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, qal Dr Falzon.