Filmat: Il-Gvern mhux qed jimxi bl-aħjar mod – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern mhux qed jirrispondi bl-aħjar mod għal marda qerrieda tal-coronavirus. Dan filwaqt li appella biex ikun hawn lockdown nazzjonali biex tonqos l-imxija tal-Covid-19. Huwa saħaq li “dak li qed jagħmel il-Gvern mhix l-aqwa li wieħed jistenna” u li “l-pajjiż mhux ippreparat biżżejjed”.

Huwa qal li b’riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet dehru li kienu qed jieħdu deċiżjonijiet ħżiena jew ftit wisq u aktarx tard. Semma l-għeluq tal-iskejjel fejn qal li din ittieħedet fi żmien fejn ħafna kienu diġà ħadu d-deċiżjoni li jagħlquhom. Semma wkoll li l-ġenituri ma kinux avżati dwar ir-riskji li jkollhom it-tfal jekk dawn jinġabru fi spazji pubbliċi. Stqarr li “allura minflok ma t-tfal kienu fl-iskejjel, inġemgħu fis-supermarkets.

Huwa qal dan f’messaġġ fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista minflok saret l-attività tal-PN li kienet ippjanata li ssir fil-każin tar-Rabat, Malta.

Qal li dalgħodu ltaqa’ ma diversi tobba fis-settur privat li qalulu li mhux minnu li l-Gvern qed jitkellem magħhom. Dwar il-miżuri li ħa l-Gvern s’issa Delia tkellem b’mod pożittiv dwar l-inizjattiva li fil-karozzi tal-linja ma jkunx hemm nies bilwieqfa.

Huwa saħaq li l-Gvern irid jgħid il-verità u jinforma lin-nies mingħajr paniku.

“Qiegħdin fi gwerra”

Delia qal li ninsabu fi gwerra. Stqarr li “ħa jkun hemm min isofri, min ibati u min imut”. Qal li skont studji jidher li hemm probabiltà li jkun hemm aktar vittmi ta’ injoranza u nuqqas ta’ informazzjoni korretta milli vittmi tal-coronavirus. Saħaq li l-informazzjoni ħażina jista’ jkollha effetti kbar fuq is-soċjetà.

“Il-Gvern mhux qed jilqa’ l-proposti”

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ppropona li l-mediċini jitwasslu lill-anzjani mill-Forzi Armati jekk ikun hemm bżonn iżda qal li l-Gvern kien spara ’l isfel mingħajr l-ebda konsiderazzjoni għall-ispiżjar. Qal li l-ħaddiema tal-Port li jieħdu ħsieb il-vjeġġi vitali li waslu Malta ma qalux. Delia qal li l-Partit Nazzjonalista kien ippropona sistema li tara li madwar 50,000 ħaddiem tas-settur pubbliku, jaħdmu mid-dar, jimminimizzaw il-kuntatt tagħhom mal-pubbliku, iżda dan ukoll ġie rifjutat.

“Battuti politiċi mill-Ministru Scicluna”

Dwar il-konferenza tal-aħbarijiet li ndirizza lbieraħ il-Ministru Edward Scicluna, Adrian Delia qal li saru battuti politiċi f’mument fejn suppost hemm l-għaqda.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn