Filmat: “Il-Gvern mar kontra l-parir tal-Avukat Ġenerali” – BirdLife Malta

BirdLife Malta qalet li l-Gvern mar kontra l-parir tal-Avukat Ġenerali meta fl-2014 fetaħ l-istaġun tal-insib.
Il-President tal-BirdLife Darryl Grima qal li l-argument tal-Avukat Ġenerali jagħti raġun lill-Għaqda, meta qalet li l-Gvern ma għandux japplika d-deroga tal-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana: l-ekru, l-apparell, il-ġojjin, il-gardel, il-verdun, taż-żebbuġ u l-isponsun.
Fakkar li f’Ottubru tal-2014, il-Kummissjoni Ewropea kitbet biex titlob formalment lill-Gvern biex iwaqqaf din il-prattika u li f’Mejju 2015  ħadet lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Spjega li l-Avukat Ġenerali ta parir biex tintużax id-deroga għax qal li l-Gvern ma jistax jirbaħ  il-kawża.
Qal ukoll li l-Avukat Ġenerali wissa lill-Gvern li l-argumenti legali tiegħu biex jiġġustifika t-tħaddim tad-deroga huma dgħajfin. Dan hekk kif l-Avukat Ġenerali saħaq li d-deroga tmur kontra l-iskop u l-ispirtu tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.
Is-Segretarjat għad-Drittijiet tal-Annimali jiċħad li ma tax kas il-pariri tal-Avukat Ġenerali.
Is-Segretarjat għad-Drittijiet tal-Annimali ċaħad li huwa ma tax kas il-pariri tal-Avukat Ġenerali.
Fi stqarrija, is-Segretarjat qal li dak li qalet il-BirdLife Malta kien maħsub biex jinfluwenza s-smigħ li se jsir għada fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.
Saħaq li l-parir li tah l-Avukat Ġenerali huwa wieħed kunfidenzjali u huwa protett bil-liġi.
Temm jgħid li l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali qatt ma tah il-pariri elenkati minn BirdLife Malta.