Filmat: “Il-Gvern Malti għandu jagħmel pressjoni diplomatika fuq il-Pakistan”

Patri Malti qed jappella lill-Gvern Malti biex jagħmel pressjoni diplomatika fuq il-Pakistan sabiex tinbidel il-liġi tal-blasfemija u b’hekk jagħti valur lid-demokrazija u lill-valuri umani. Din il-liġi li tiġi abbużata ħafna tippermetti li persuna tinżamm arrestata jekk tiġi akkużata li offendiet l-Iżlam.  Fr Bernard Mangion mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP)  qal li pajjiż ieħor għandu grupp inter-parlamentari bil-mira li jagħmel pressjoni biex il-Pakistani jgħixu f’ambjent iktar demokratiku u iktar uman. Qal li “din il-pressjoni tiswa u tagħmel differenza”.

Fr Bernard Mangion esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiffaċċja bħalissa mara Nisranija fil-Pakistan, Asia Bibi. Għal tmien snin, hija kienet ikkundannata għall-mewt fuq allegat blasfemija kontra l-Iżlam. Meta fl-aħħar t’Ottubru il-qorti suprema tal-pajjiż ħelsitha għax ma kien hemm xejn li juri li seħħet il-blasfemija, saru protesti kbar biex tinqatel il-mara.

Fil-programm Follow-Up fuq RTK, Fr Mangion li wasal lura Malta dan l-aħħar mill-Pakistan, esprima d-dieqa tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ Bibi. Semma li fuq dan l-istess każ diġà inqatlu żewġ persuni prominenti fil-pajjiż.

Fr Mangion qal li l-ħelsien ta’ Bibi mill-akkuża tatu ħafna fiduċja ġdida fil-qrati tal-Pakistan, bl-Imħallfin imxew fuq il-kuxjenza minkejja t-theddid fuq ħajjithom. Dwar il-Prim Ministru ġdid tal-pajjiż, semma kif kien hemm tama li jista’ jkun li jagħmel xi ħaġa biex tinbidel il-liġi tal-blasfemija u titranġa s-sitwazzjoni. Iżda ġara li ċeda għall-pressjoni tal-partiti reliġjużi tant li din il-mara mhux se jħalluha titlaq mill-pajjiż. Semma kif l-eks-mara tal-Prim Ministru qalet li meta dan irtira dak li kien qal li se jsir, fil-fatt iffirma s-sentenza tal-mewt ta’ Asia Bibi. “Din taqtagħli ftit qalbi bħala Nisrani fil-Pakistan,” spjega l-patri Malti.

Esprima t-tama kbira tiegħu li tinstab soluzzjoni għax hemm periklu kbir li din il-mara tinqatel. Tama oħra hi li bil-bidliet li jsiru fil-liġi, l-Insara fil-Pakistan li jammontaw għal 2% tal-popolazzjoni jitħallew jgħixu fil-paċi.